It-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar ikkonferma r-revoka tal-permess PA/7946/18 għall-hekk imsejjaħ “razzett tan-nagħaġ” – bini enormi b’għadd ta’ sulari, żoni ta’ reception u pixxina – dan kollu fil-wied intatt tal-Bidnija, f’żona rurali li tinsab kompletament Barra miż-Żona tal-Żvilupp (ODZ) u li fiha abitat ta’ ilma ħelu ta’ importanza ekoloġika.
L-NGOs Moviment Graffitti u Din l-Art Ħelwa ressqu appell kontra deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar, li kienet irrevokat il-permess iżda ordnat li l-applikazzjoni tiġi pproċessata mill-ġdid. L-NGOs argumentaw li ladarba l-Awtorità kienet irrevokat il-permess, ma setgħetx tordna li l-applikazzjoni terġa’ tiġi pproċessata.
L-NGOs insistew ukoll li kellhom jiġu inklużi raġunijiet addizzjonali għar-revoka – b’mod partikolari l-fatt li l-istatus skedat tas-sit ma ġiex indikat fuq il-formoli rilevanti. Dan in-nuqqas, sostnew, wassal biex il-pubbliku ma ġiex infurmat b’mod adegwat dwar in-natura sensittiva tas-sit u l-politiki speċjali li japplikaw għal siti skedati bħal dawn.
It-Tribunal qabel mal-NGOs li appellaw u ddeċieda li l-permess għandu jiġi revokat b’mod definittiv għar-raġunijiet imsemmija fl-appell.