L-FIAU tagħti ħafna inqas multi fl-2024 milli fi snin oħrajn

Jidher li mill-2021 ’l hawn, in-numru u l-valur tal-multi bdew niżlin, hekk kif anka fis-sena ta’ wara, jiġifieri fl-2022, il-valur tal-multi naqas sew, fejn minn €12,376,089 il-valur naqas għal €3,355,443 — tnaqqis ta’ 72.9%

In-numru ta’ multi li nħarġu fl-2024 kien ta’ 75, filwaqt li l-valur totali ta’ dawn il-multi ammontaw għal €746,655. Dan huwa tnaqqis sinifikanti mis-sena rekord tal-2021.
In-numru ta’ multi li nħarġu fl-2024 kien ta’ 75, filwaqt li l-valur totali ta’ dawn il-multi ammontaw għal €746,655. Dan huwa tnaqqis sinifikanti mis-sena rekord tal-2021.

Jidher illi hemm xejra kemxejn inkwetanti fil-ħidma tal-Korp għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) hekk kif in-numru u l-valur ta’ multi li qed joħorġu dejjem qed jonqsu. 

Fil-fatt, in-numru ta’ multi li nħarġu fl-2024 kien ta’ 75 filwaqt li l-valur totali ta’ dawn il-multi ammontaw għal €746,655. Dan huwa tnaqqis sinifikanti mis-sena rekord tal-2021, fejn b’kollox inħarġu 176 multa b’valur totali ta’ €12,376,089. 

Dil-informazzjoni hija meħuda minn mistoqsija parlamentari magħmula lill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Fondi Ewropej u l-Isport. 

Ta’ min jingħad li l-2021 kienet is-sena fejn Malta sabet ruħha fuq il-lista l-griża tal-FATF minħabba laxkezza fil-mod kif Malta kienet tindirizza reati finanzjarja, bħall-ħasil tal-flus. 

Dik is-sena, l-FIAU ħadmet qatigħ fi sforz biex id-deċiżjoni tal-FATF tiġi rrevokata — u b’suċċess peress li Malta ħarġet mil-lista l-griża s-sena ta’ wara.

Iżda jidher li mill-2021 ’l hawn, in-numru u l-valur tal-multi bdew niżlin, hekk kif anka fis-sena ta’ wara, jiġifieri fl-2022, in-numru ta’ multi naqas għal 145, li huwa biss nuqqas minimu. Minkejja dak, il-valur tal-multi naqas sew, fejn minn €12,376,089 il-valur naqas għal €3,355,443 — tnaqqis ta’ 72.9%. 

Is-sena ta’ wara, jiġifieri fl-2023, il-multi naqsu biss b’wieħed. F’kelma oħra, minn 145 multa, l-FIAU tat 144 multa. Iżda l-valur żdied għal €3,360,814.

Għalhekk huwa ta’ tħassib li fl-2024 ingħataw nofs il-multi mis-sena l-oħra ’l hawn. Barra minn hekk, il-valur tal-multi naqas ġmielu. Fil-fatt, kien hemm tnaqqis ta’ 77.8% f’sena waħda. 

Minn dawn iċ-ċifri hija diffiċli ma tinbitx il-mistoqsija: l-FIAU qed issib ħafna inqas ksur ta’ liġi u għalhekk mhix toħroġ daqstant multi? Jew inkella qed terġa’ taqbad dik l-istess laxkezza li tefgħetna fuq il-lista l-griża?

More in Politika