Ir-rapport akkademiku annwali Crimemalta Observatory għall-2024 ikkonferma li Malta baqgħet pajjiż sigur u stabbli, bir-rata ta’ kriminalità hija ta’ 30 reat għal kull elf persuna.
Dan jirrifletti tnaqqis meta mqabbel mal-2023 u tnaqqis sostanzjali meta mqabbel mal-46 każ għal kull elf persuna li kienu rrapportati fl-2004.
"It-tisħiħ fis-sigurtà ta’ pajjiżna fl-aħħar snin huwa fatt li ma jista’ jmerih ħadd," qal il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri meta ikkumenta dwar dawn iċ-ċifri.
“Ir-riċerka u r-riżultati, inkluż rapporti internazzjonali bħar-Rule of Law Index, jikkonfermaw li s-sigurtà ta’ pajjiżna hi waħda b’saħħitha. Dan ma jiġix b’kumbinazzjoni, iżda huwa riżultat tal-ħidma mwettqa mill-Korpi Dixxiplinati, li l-Gvern ikompli jinvesti fihom,” huwa żied jgħid.
L-istess rapport jinnota li, minkejja stimi bbażati fuq ir-rati tal-2004 u l-2014 li kienu jistennew li r-rapporti jaqbżu l-20,000 u saħansitra jlaħħqu l-25,000, in-numru ta’ każijiet irrapportati fl-2024 kien ta’ 16,662 biss, li jfisser tnaqqis ta’ 1% fuq l-2023.
Dan ir-riżultat ġie msaħħaħ minn rapporti internazzjonali fosthom l-Indiċi Globali tas-Saltna tad-Dritt tal-World Justice Project li poġġa lil Malta fl-ewwel għaxar postijiet għall-ordni u s-sigurtà fost 142 pajjiż, inklużi dawk tal-Unjoni Ewropea, l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, u l-Amerka ta’ Fuq.
Ir-rapport introduċa wkoll kategoriji ġodda ta’ reati relatati mal-ambjent (environmental crime) b’174 każ irrapportat u reati ta’ moħqrija kontra l-annimali b’20 każ irrapportat is-sena li għaddiet. Barra minn hekk, Għawdex irreġistra tnaqqis ta’ 23% fir-rata ta’ kriminalità, bl-inqas numru ta’ serq fl-aħħar 20 sena – inqas minn nofs dak irreġistrat fl-2006.
Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà esprima sodisfazzjon għall-ħidma effettiva tal-Korp tal-Pulizija, u qal li mhux biss, iżda Malta għandha l-konferma tal-World Justice Project, u r-rapport annwali tal-kriminalità li juru biċ-ċar li "komplejna nnaqqsu l-kriminalità f’pajjiżna kemm in absolute terms kif ukoll ras għal ras."
Gafà tenna li, filwaqt li reati bħal serq armat, serq ta’ vetturi, u serq minn djar komplew jonqsu, il-Korp qed jiffaċċja sfidi ġodda relatati mal-reati diġitali. Il-Korp tal-Pulizija se jkompli jadatta għal dawn l-isfidi b’investimenti sostanzjali fil-qasam tal-finanzi u l-cybercrime.
Ir-rapport jinnota wkoll li l-kriminalità li qed issir “fuq ġewwa”, bħal frodi, ħasil ta’ flus, u vjolenza domestika, issa tammonta għal 34% tar-reati kollha. Sa l-2004, 96% tar-reati kienu relatati ma’ ambjenti barra mid-dar fejn l-involviment tal-pulizija kien aktar dirett u effettiv.
Il-Kriminologu Saviour Formosa, li mexxa din ir-riċerka, qal li s-soċjetà u l-kriminalità qegħdin jevolvu kontinwament.
“Din is-sena rajna tnaqqis mis-sena l-oħra, kif ukoll tibdiliet fil-mod kif jiġu mwettqa r-reati. Għandna waħda mill-inqas rati ta’ kriminalità għal kull elf persuna, iżda aktar kriminalità li qed issir minn ġewwa bħall-vjolenza domestika li dwarha rridu nkomplu nistudjaw, speċjalment fil-kuntest tal-vjolenza domestika psikoloġika," Formosa qal.