Kien hemm ansjetà minn uffiċjali għoljin tal-President tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea Ursula Von der Leyen meta l-Prim Ministru Malti Robert Abela waqaf bla mistenni quddiem il-ġurnalisti fi Brussell u ddikjara li Malta trid il-paċi hekk kif kien se jidħol fil-laqgħa tas-27 pajjiż fil-Kunsill.
Imma minkejja dan id-diskors, fl-ewwel sessjoni tal-Kunsill, Abela ma qal assolutament xejn, u meta waslet it-tieni sessjoni Abela reġa’ ma qal xejn, u mbagħad fit-tielet sessjoni Abela fil-qosor semma n-newtralità ta’ Malta. Imma madwar il-mejda kien hemm min qal li l-Irlanda u l-Awstrija huma newtrali wkoll u din kienet xi ħaġa aċċettata fit-trattat u għalhekk kienet kelma żejda min-naħa ta’ Abela li jsemmi din il-kwistjoni.
Meta ġie għall-vot, id-diskors ta’ Abela kien ċar, u Malta ffirmat mingħajr ebda tlaqliq. Infatti Abela ffirma biex l-Ewropa tiffoka bil-kbir fuq investiment massiċċ fl-armamenti kullimkien u fuq il-fruntieri tal-Ewropa, u dan fid-dawl tal-politika ġdida tal-President Amerikan Donald Trump li rema lill-Ewropa. U fil-konklużjoni li tinstab fuq kull pjattaforma online m’hemm ebda referenza għan-newtralità. Anzi fid-dikjarazzjoni kien hemm biss ħalfa biex l-Ewropa tonfoq aktar fuq l-armi. Waqt is-sessjonijiet fi Brussell, Abela deher jitbissem ma’ Zelensky. U Abela ma qalx kelma waħda li hi waħda li l-Ewropa ma tridx tonfoq aktar fil-militar jew li l-Ukrajna ma tistax tirbaħ il-gwerra.
Dan ikkuntrasta mad-dikjarazzjonijiet li għamel ilbieraħ Abela meta kien qed jiġi intervistat fuq One Radio f’intervisti tradizzjonali kkunsidrati bħala intervisti tal-ingwanti tal-ħarir.
Fl-intervista ta’ One Radio, apparti li tkellem fuq il-paċi, enfasizza żewġ punti. Waħda li nkixfet l-ammirazzjoni li għandu għall-President Donald Trump, u t-tieni d-dikjarazzjoni li l-Ukrajna ma tistax tirbaħ il-Gwerra.
Membri tal-kabinett li kellmuna bil-patt li nikxfuhomx qalulna li l-Prim Ministru mhux qed ikun meqjus fi kliemu u qed jilgħab bid-diskors.
“Qisu qed jgħix f’żewġ dinji paralleli. Ġranet ilu ħasad lil kulħadd meta qal li Malta trid iżżid in-nefqa militari, u dan wara li Trump qal l-pajjiżi Ewropej iridu jżidu n-nefqa militari. Issa qed jipprova jbenġilha u jgħid xi ħaġa oħra. Meta ġie lura minn Brussell fejn iffirma ma’ kulħadd biex jiżdied il-baġit militari, qed jgħid li jrid il-paċi u ma jaqbilx ma’ nefqa akbar militari,” qalilna Ministru partikolari.
Ministru ieħor stqarr: “Aħna irrelevanti bħala pajjiż u dawn it-trikki trakki iktar se jagħmluna irrelevanti.”
U ministru ieħor iddikjara: “Jiena naħseb li Robert qed jirreaġixxi għal Metsola. Ma jiflaħx jara lilha tkun fiċ-ċentru tal-aħbarijiet. Mhux qed juża moħħu u kulħadd jaf x’ras iebsa għandu.”