Metsola twissi lil Trump: L-UE se tirreaġixxi għal tariffi ġodda fuq prodotti Ewropej

Id-dikjarazzjoni tagħha saret wara li Trump ħabbar li dalwaqt se jintroduċi tariffi ta’ 25% fuq il-prodotti mill-UE, u sostna li l-Unjoni Ewropea nħolqot 'biex tqarraq bl-Istati Uniti'

Żjara uffiċjali minn Roberta Metsola f’Washington D.C. (Ritratt: Parlament Ewropew/Andrew Thomas)
Żjara uffiċjali minn Roberta Metsola f’Washington D.C. (Ritratt: Parlament Ewropew/Andrew Thomas)

​Il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, wissiet lill-President Amerikan Donald Trump li l-Unjoni Ewropea se tirreaġixxi "b'mod sod u immedjat" kontra kull barriera inġustifikata għall-kummerċ ħieles u ġust.

Metsola qalet li dan japplika għal każijiet fejn jiġu imposti tariffi biex jisfidaw politiki legali u mhux diskriminatorji.

"L-UE u l-Istati Uniti jistgħu jsibu mod kif ilkoll jirbħu. Dan dejjem ikun ippreferut minn sitwazzjoni fejn kulħadd jitlef, u jkunu biss dawk fuq l-assi tal-awtokratiċi li jibbenefikaw. Huwa għalhekk li nemmen li l-aħjar nitkellmu dwar ftehimiet kummerċjali minflok tariffi. Għandna ngħinu lil xulxin u mhux nagħmlu l-kuntrarju," qalet Metsola waqt indirizz fl-Università ta' Johns Hopkins f'Washington.

Id-dikjarazzjoni tagħha saret wara li Trump ħabbar li dalwaqt se jintroduċi tariffi ta’ 25% fuq il-prodotti mill-UE, u sostna li l-Unjoni Ewropea nħolqot "biex tqarraq bl-Istati Uniti".

Metsola saħqet li r-relazzjoni transatlantika hija kruċjali għad-dinja, peress li tmur lil hinn mill-kummerċ, l-industrija u l-ekonomija. "

Hija elenkat il-valuri komuni li l-UE u l-Istati Uniti ħaddnu matul is-snin, inkluż id-dinjità ta’ kull persuna, l-opportunità ugwali, il-ġustizzja, id-dritt għas-sigurtà, u l-libertà tal-espressjoni, "li hija l-pedament ta’ kollox".

Il-President tal-Parlament Ewropew qalet li s-simplifikazzjoni, u mhux il-kumplessità, għandha tkun fuq quddiem tal-aġenda Ewropea, filwaqt li indirizzat is-sens ta’ frustrazzjoni u qtigħ il-qalb li ħafna votanti esprimew fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju.

Metsola qalet li hemm soluzzjonijiet biex il-kumpaniji jsibuha aktar faċli biex jagħmlu negozju kemm mal-Ewropa kif ukoll fiha. Hi żiedet li f’Washington, iltaqgħet ma’ mexxejja ta’ industriji Ewropej li għandhom operazzjonijiet kbar fl-Istati Uniti u assigurathom li l-Ewropa tinsab warajhom.

Barra minn hekk, iltaqgħet ma’ kumpaniji Amerikani biex tispjega l-approċċ tal-Ewropa u tenniet li l-kontinent huwa miftuħ għan-negozju. Hija qalet li r-riġenerazzjoni tal-Ewropa toffri opportunità għal kulħadd, u semmiet diversi stejjer ta’ suċċess Ewropej biex tenfasizza l-importanza ta’ kummerċ ħieles, miftuħ u ġust mal-alleati tagħha.

Fid-diskors tagħha, Metsola fakkret li "l-paċi hija l-essenza tal-Unjoni Ewropea" u li l-UE dejjem xtaqet il-paċi fl-Ukrajna. Madankollu, hija wissiet li l-prezz tal-gwerra huwa għoli, kif esperjenzat l-Ewropa f’diversi ġenerazzjonijiet.

Hija temmet billi wissiet li jekk dak li qed jiġri issa jiġi sempliċement pospost, jista’ jwassal għal gwerra akbar u usa’ fi ftit snin. "L-Ewropa lesta biex tagħmel dak li hemm bżonn biex tiggarantixxi l-paċi u l-istabbiltà fl-Ukrajna, għax nafu li dan ifisser paċi u stabbiltà fl-Ewropa. U dan huwa vantaġġ għal kulħadd."

More in Politika