Pullicino Orlando jwissi kontra l-‘ħmerijiet’ ta’ Azzopardi fil-każ kontra Yorgen Fenech

L-Eks Deputat Nazzjonalista, Jeffrey Pullicino Orlando jwissi rigward ‘dikjarazzjonijiet irresponsabbli li saru mill-Avukat Jason Azzopardi,’ relatata mal-investigazzjonijiet tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia

L-avukat Jason Azzopardi
L-avukat Jason Azzopardi

L-Eks Deputat tal-Partit Nazzjonalista Jeffrey Pullicino Orlando qajjem allarm dwar l-aġir ta’ Jason Azzopardi bħala l-avukat parte civile tal-familja Caruana Galizia. 

F’post fuq Facebook, is-Sibt filgħodu, Pullicino Orlando rreaġixxa għall-post ta’ Matthew Caruana Galizia fuq id-deċiżjoni li ħadet il-Qorti sabiex teħles mill-arrest l-allegat moħħ wara l-qtil t’ommu. Hu weħħel fil-Prim Ministru u l-Ministru tal-Ġustizzja għad-dewmien biex tinstab data meta jinstema’ l-każ. 

“Kieku jien kont minflokok, kont inkun iżjed ikkonċernat rigward id-dikjarazzjonijiet irresponsabbli li saru mill-avukat tiegħek Jason Azzopardi, u l-evidenza mxerrda, relatata mal-investigazzjonijiet tal-assassinju t’ommok,” qal Pullicino Orlando lil Matthew Caruana Galizia. 

Id-dikjarazzjonijiet imsemmija huma dawk li saru f’intervista li seħħet fl-2024. Dakinhar Azzopardi qal lill-ġurnalist li, “l-evidenza li ġiet miġbura b’mod legali tippunta lejn Yorgen Fenech bħala l-moħħ ewlieni wara dan il-qtil.” 

Pullicino Orlando qal li dawn il-“ħmerijiet” huma kollha ta’ preġudizzju fil-każ kontra Fenech. 

“Kieku jien kont minflokok, kont insaqsi lil Dr Azzopardi rigward il-laqgħat sigrieti li kellu ma’ ċerti individwi li inti regolarment implikat bħala responsabbli għal dan ir-reat makabru,’ żied Pullicino Orlando. 

Fl-aħħar tal-post, l-Eks Deputat Nazzjonalista tefa’ dawl fuq il-fatt li Azzopardi gawda minn vaganza b’xejn fil-Hilton ta’ Tel Aviv bl-ispejjeż f’idejn il-kumpanija Tumas. 

More in Politika