Second Chance Horse Rescue titlob l-għajnuna għal art fejn tospita ż-żwiemel abbandunati

L-għaqda nongovernattiva, Second Chance Horse Rescue, salvat iktar minn mitt żiemel, bil-maġġoranza abbandunati wara snin jintużaw għat-tiġrija. Issa l-NGO qed iddur għall-għajnuna biex takkwista art fejn tospita dawn l-annimali li qed jistennew dar ġdida.

Ritratt: Second Chance Horse Rescue / Facebook
Ritratt: Second Chance Horse Rescue / Facebook

Second Chance Horse Rescue hija xhieda ta’ devozzjoni, ħidma iebsa u impenn kbir. Dan kien ċar f’intervista li l-ILLUM għamlet mal-NGO.

Din l-organizzazzjoni, li taħdem mingħajr profitt, toffri kenn u kura għal żwiemel li ma jibqgħux użati fil-korsa. Ġeneralment iż-żwiemel qed jiġu addottati f’pajjiżi barra minn Malta, b’bosta jsibu dar ġdida anke fl-Ingilterra.

Għaldaqstant bħalissa l-NGO tinsab f’diffikultajiet serji hekk kif qed taffaċċja nuqqas ta’ spazju biex tkompli tgħin dawn iż-żwiemel.

It-tim ta’ Second Chance Horse Rescue salva aktar minn 100 żiemel abbandunat, u ġieli anke minn ħalq il-mewt, iżda l-isfida tal-ispazju qed tħalli ħafna minn dawn l-annimali mingħajr rifuġju garantit.

L-organizzazzjoni qed issib ruħha f’diffikultajiet akbar minħabba li għandha 25 żiemel fil-ħarsien tagħha u mhux ikollha spazju suffiċjenti biex taqdi d-domanda, li aktar ma jmur, aktar tikber.

Jitkellem mal-ILLUM, voluntier ta’ Second Chance Horse Rescue, qal li l-NGO qed taffaċċja sfidi kbar ta’ kuljum minħabba n-nuqqas ta’ faċilitajiet.

“In-nuqqas ta’ infrastruttura xierqa jagħmilha diffiċli biex jiġu attirati voluntiera peress li l-post attwali tagħna mhuwiex prattiku għalihom,” qal voluntier ma’ dan il-ġurnal.

Semma kif bħalissa qegħdin fi triq prinċipali, traffikuża, fil-limiti ta’ Santa Venera, u dan jillimita anke lill-voluntiera kemm jistgħu jagħmlu maż-żwiemel, inkluż li jiħduhom dawra qasira biex ikollhom eżerċizzju xieraq.

“Il-post iżommna wkoll milli nospitaw attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi jew noffru attivitajiet bħall-irkib taż-żwiemel. Ma nistgħux nakkomodaw programmi skolastiċi jew edukattivi minħabba li l-ispazju ma jistax jimmaniġġja nies u studenti bħal dawn b’mod sigur jew fid-dawl ta’ dan kollu, l-akbar sfida għal din l-NGO hija r-rekwiżit mill-awtoritajiet li jidentifikaw art ideali u japplikaw għaliha permezz ta’ diversi proċessi ta’ applikazzjonijiet, bil-periti li jitolbu madwar €250 għal kull applikazzjoni.

Il-voluntier qal li l-NGO għamlet aktar minn sena tfittex u tiddedika ħin u sforz għal dan il-għan, u fil-fatt identifikat mal-40 art tal-Gvern li jistgħu jsarrfu ta’ opportunità għalihom. Madankollu, kull darba jkollhom l-istess rispons, dik li l-art diġà hija mwiegħda għal proġetti oħra. “Dan jitfagħna lura, u jkollna nerġgħu nibdew mill-ġdid,” qal il-voluntier.

L-ikbar dispjaċir għalihom huwa li minkejja qed jaħdmu 24 siegħa f’ġurnata biex jiżguraw li ż-żwiemel jirċievu l-aħjar kura possibbli, ħafna huma sfurzati jgħixu fit-tajn, li huwa riskju serju għas-saħħa tagħhom.

“Espożizzjoni twila fit-tajn twassal għal kwistjonijiet bħal laminite, deni, u ħsara lin-nagħla taż-żiemel, speċjalment jekk ikunu mxarrbin kontinwament,” żied jgħid.

Huwa spjega kif ix-xewqa tagħhom hi li nsibu post addattat fejn iż-żwiemel ikunu jistgħu jibqgħu sħan fix-xitwa u komdi fis-sajf sakemm isibu d-djar adottivi tagħhom.

Kif nistgħu naraw bħalissa, it-temp kiesaħ u mxarrab hu aħrax, u għalkemm is-sajf jista’ jkun ta’ refuġju, kollha nafu kemm is-sjuf Maltin jistgħu jkunu qalila wkoll. Allura li jsibu akkomodazzjoni xierqa tibqa’ dejjem prijorità.

Mistoqsi kif il-pubbliku jista’ jgħin, huwa spjega li l-pubbliku jista’ jappoġġa finanzjarjament billi jagħti donazzjoni permezz tas-siti għall-ġbir ta’ fondi.

“Jistgħu wkoll jattendu kull attività ta’ ġbir ta’ fondi li tkun organizzata, għalkemm dawn huma limitati fin-natura tagħhom,” temm jgħid il-voluntier."

More in Politika