Il-Qorti tal-Appell għamlet ċar li l-Avukat tal-Istat għandu s-setgħa li jieħu azzjoni biex jirkupra l-flus pubbliċi mħallsa lil Vitals u Steward fil-konċessjoni tal-isptarijiet li falliet, iżda t-talbiet tal-Partit Nazzjonalista ġew miċħuda, qal il-Ministru għall-Ġustizzja t-Tnejn filgħaxija.
F’dibattitu jaħraq fuq Xtra, rrekordjat ftit sigħat biss wara d-deċiżjoni tal-Qorti fil-kawża Vitals/Steward, il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard wissa kontra interpretazzjonijiet mgħaġġla tas-sentenza.
"Is-sentenza tal-lum, f’appell, jien naħseb jekk tiġi meqjusa bħala rebħa oħra... jien naħseb hija waħda pirrika għal Partit nazzjonalista. Għax meta tixtarr is-sentenza u toħroġ ftit sekondi wara tghid li irbaht... ir-responsabbilità mhux hekk titlob," qal Attard.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino insista li kien il-Ministru li ma fehemx is-sentenza.
It-Tnejn filgħodu l-Qorti tal-Appell ddikjarat li skont l-Att dwar id-Dispożizzjoni Pubblika, l-Avukat tal-Istat, kull parti involuta fil-kuntratt, jew kull Membru Parlamentari jista’ jieħu passi kontra dawk li kisbu l-assi pubbliċi b’mod ħażin.
Min-naħa tiegħu, Attard saħaq li dan il-ġudizzju jikkonferma l-passi li ħa il-Gvern biex jipproteġi l-interess nazzjonali. "Din is-sentenza hija l-aqwa ċertifikat għall-Gvern ta' Robert Abela li qed jagħmel dak kollu possibbli biex jiddefendi l-interess nazzjonali fis-sitwazzjoni marbuta mal- konċessjoni tal-isptarijiet," żied jgħid Attard.
Fl-istess waqt il-Partit Nazzjonalista laqa’ d-deċiżjoni, b'Piccinino jiddikjara li l-Gvern naqas milli jieħu azzjoni fil-ħin kontra Vitals u Steward. “Kieku kien għalikom, Vitals u Steward għadhom jisirquna,” akkużah Piccinino. Huwa qal li l-Avukat tal-Istat jista’ jaġixxi b’mod indipendenti mingħajr il-bżonn tal-approvazzjoni tal-Kabinett.
“Min seraq mingħandna għandu jirritorna dak li hu tagħna. Mhux biżżejjed ngħidu sorry,” temm jgħid Piccinino.