Editorjal speċjali | Minkejja kollox, hemm qbil fil-Labour li Abela jibqa’ l-aħjar għażla
Robert Abela, fil-Grupp Parlamentari Laburista, personalment sfida lil dawk li kienu qed jattendu li jekk hemm xi ħadd li jridu jitlaq, hu kien lest jitlaq
Bosta Ministri u Deputati Parlamentari Laburisti sostnew li Robert Abela jibqa’ l-aħjar tama u għażla li jirbħu l-elezzjoni minkejja kollox. Dan wara li fil-Partit Laburista beda jinstema’ diskors li jekk il-Labour ma jbiddilx lil Abela huwa ċertissimu li jitlef l-elezzjoni lil Bernard Grech.
“Għandu kollox kontrih bħalissa, inkluż l-istil tiegħu kif imexxi u l-fatt li jaħseb ta’ avukat u mhux ta’ politiku. Imma m’hemmx alternattiva għal Abela f’dan il-mument. Jekk jindirizza l-istil tiegħu u jagħti aktar riedni lill-Ministri tiegħu, għandu ċans li jagħmilha u jagħti r-rebħa lill-Partit Laburista. Fil-konfront ta’ Bernard Grech jibqa’ suprem, jaf jitkellem aħjar minnu, jifhem kif iwassal messaġġ aħjar minnu, għandu l-enerġija u huwa politiku iktar minnu.”
Dan sostnewh numru ta’ politiċi Laburisti li kellimna u rrimarkaw li l-erba’ affarijiet li ħadmu kontra Abela huma, l-ewwel l-istil tiegħu kif jiddeċiedi u jittratta n-nies u l-politika, it-tieni l-istorja ta’ Joseph Muscat u Keith Schembri, it-tielet il-każ Jean Paul Sofia, u issa l-każ ta’ Clayton Bartolo.
Tant huwa konxju minn dan li kien Robert Abela, fil-Grupp Parlamentari Laburista, personalment sfida lil dawk li kienu qed jattendu li jekk hemm xi ħadd li jridu jitlaq, hu kien lest jitlaq. Ovvjament ħadd ma kellu l-kuraġġ jaffaċċjah dak il-mument.
Din kienet fost l-iktar ġimgħa kerha għall-Prim Ministru li kellu jaċċetta li Clayton Bartolo jirriżenja minn Ministru. Dan wara li ġie żvelat li l-mara Amanda Muscat kienet irċeviet flus mingħand Taljan li kien qed jiġi sponsorjat mill-Malta Tourism Authority.
Bartolo kien meqjus bħala wieħed mill-iktar ministri li jagħti appoġġ lil Abela. Wara din is-saga fil-grupp parlamentari, Abela qal lil dawk preżenti: “Jekk hemm minnkom li tridu tagħmlu vendikazzjoni minni, biex nitilfu l-elezzjoni u wara twaħħlu fija, għiduli sabiex inwarrab għax ma rridx nerġa’ nara lill-Partit Laburista lura fl-Oppożizzjoni.”
Kliem li jikkonferma dak li ilu jingħad li fil-PL hemm min hu mdejjaq għal Abela. Dan il-kliem ħareġ verbatim minn min kien preżenti fil-Grupp Parlamentari u għadda mhux lill-midja iżda lill-Partit Nazzjonalista. Turija ta’ kif il-lealtà issa saret problema, eku forsi ta’ żmien l-aħħar xhur ta’ Lawrence Gonzi bħala kap u Prim Ministru Nazzjonalista.
L-għażliet ta’ Robert Abela
Robert Abela għandu tliet affarijiet favurih. Waħda għandu maġġoranza kbira, it-tieni għandu ekonomija soda, u t-tielet għadu relattivament żgħir.
Fil-grupp parlamentari ħadd ma seta’ jifhem kif investigazzjoni tal-FIAU u li waslet biex titlob li l-pulizija jinvestigaw ma tasalx għand il-Prim Ministru u tasal għand il-midja. Kien hemm min beda jistaqsi jekk il-Prim Ministru kienx jaf u ma għamel xejn dwarha.
“Kif jista’ jkun li nsiru nafu mill-midja,” qal ministru partikolari. “U jekk kien hekk, il-Prim missu ħa azzjoni qabel.”
Hemm rabja fost il-membri ewlenin tal-Gvern għal mod kif seħħew l-affarijiet. Meta tkellmu mal-gazzetta ILLUM, qalulna li l-Prim Ministru mhux qed jinduna x’inhi l-problema.
“Din li jwaħħal f’kulħadd trid jispiċċa.”
“Illum qed nagħrfu li hemm ċans li nitilfu l-elezzjoni, u jekk nitilfuha jkun tort tagħna biss. Tlifna l-kontroll u mhux billi noħorġu inizjattivi ġodda għax it-togħma ħażina baqgħet hemm. Irid ikun hemm shift totali.”
Min kellimna qal li ma jfissirx li jridu lil Joseph Muscat lura. Ħafna diriġenti tal-PL huma kontra li Muscat jerġa’ lura. Jafu li l-ħajja politika ta’ Muscat hija marbuta intrinsikament ma’ intriċċi u anke ma’ allegat abbuż ta’ poter.
“Muscat jibqa past tense. L-iżbalji li għamel huma wisq serji biex jiġi lura.”
“Muscat problema kbira għalina u mhux faċli nsolvuha, u Abela għandu biċċa wġigħ ta’ ras hawn imma Abela jrid jibda jmexxi ta’ politiku u mhux ta’ avukat. U jrid ikabbar iċ-ċirku ta’ madwaru u tan-nies li ħadmu fil-partit!”
“Naħseb li Abela wkoll ma fehemx l-implikazzjoni ta’ x’ġara fil-każ tal-inkjesta ta’ Gabriella Vella, fejn ċorma nies sfaw imressqa. Persuni li kienu jinkludu lil Chris Fearne li ċertament qed jargumenta għalfejn hu u mhux il-kabinett sħiħ inkluż il-Prim Ministru. F’għajnejn dawk li tressqu jaraw li ġew mormija mill-Prim Ministru, u dawn jirrappreżentaw numru mdaqqas ta’ familji.”
Iżda jibqa’ l-fatt li l-iskandlu tal-allegat tixħim fil-każ ta’ Clayton Bartolo fetaħ beraħ id-dwejjaq li hemm fil-Partit Laburista. Dan huwa l-ewwel każ ċar ta’ abbuż li ma jistax jiġi attribwit għall-amministrazzjoni Muscat. Joseph Muscat kellu jirriżenja wara li kien ġie żvelat kif Kastilja, b’mod speċjali Keith Schembri, kien marbut mal-istorja ta’ Yorgen Fenech fil-każijiet ta’ korruzzjoni u l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Wara dan kien hemm ukoll il-passi kriminali kontra Joseph Muscat fil-każ ċelebri tal-isptarijiet Vitals u Stewards.
Fl-isfond ta’ dan kollu, diriġenti tal-Partit Laburista jittamaw li mal-festi jista’ jkun aħbar tajba f’baħar ta’ maltemp għall-PL li twassal biex Robert Abela jibda s-sena b’għarfien sħiħ li l-affarijiet iridu jsiru b’mod differenti. Jekk le, jibżgħu li r-rebħa elettorali hija waħda possibbli ħafna għal Grech li jargumentaw li ma jafx imexxi u m’għandux tim tajjeb.