Il-Partit Nazzjonalista se jospita f’Malta l-Assemblea Politika tal-Partit Popolari Ewropew

Il-Partit Nazzjonalista qal li waqt din il-laqgħa se jiġu diskussi diversi temi kruċjali, fosthom kif tista’ titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-Ewropej filwaqt li tiġi żgurata tkabbir ekonomiku sostenibbli

Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jospita waħda mill-ogħla organi tal-Partit Popolari Ewropew (PPE), l-Assemblea Politika, f’Malta bejn il-21 u t-22 ta’ Novembru. Din il-laqgħa se ssir fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista taħt il-patroċinju tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech.

F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino, flimkien mas-Segretarju Internazzjonali Beppe Galea, tennew l-importanza ta’ din l-Assemblea. Huma qalu li din l-attività mhux biss tirrifletti l-fiduċja tal-PPE fil-Partit Nazzjonalista, iżda wkoll turi kemm hemm rieda li Malta tkun parti minn diskussjonijiet importanti fuq livell Ewropew.

Din l-Assemblea, li se tkun immexxija mill-President tal-PPE Manfred Weber, se tiġbor fiha mexxejja ewlenin, inkluż il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola. Se jipparteċipaw ukoll Viċi Presidenti tal-PPE, uffiċjali għolja mill-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll rappreżentanti minn diversi pajjiżi Ewropej u Afrikani.

Jindirizza lill-midja, il-Partit Nazzjonalista qal li waqt din il-laqgħa se jiġu diskussi diversi temi kruċjali, fosthom kif tista’ titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-Ewropej filwaqt li tiġi żgurata tkabbir ekonomiku sostenibbli. Se jiġu diskussi wkoll kwistjonijiet li jikkonċernaw ir-reġjun tal-Mediterran.

Il-PN enfasizza kif din l-Assemblea tirrappreżenta opportunità unika għall-Partit biex ipoġġi l-prijoritajiet tal-Maltin u l-Għawdxin fuq quddiem nett tal-aġenda Ewropea. “Il-fatt li l-PPE għażel lil pajjiżna biex il-Partit Nazzjonalista jospita din l-Assemblea Politika hu prova li anke l-PPE, bħall-maġġoranza tal-poplu Malti, jemmen li għal pajjiżna għada jista’ jkun aħjar mill-bieraħ,” qal Piccinino.

More in Politika