Irraportata żieda f’inċidenti tat-traffiku imma inqas korrimenti fit-toroq Maltin

Skont ir-rapport tal-NSO, Birkirkara kien ir-reġjun li rreġistra l-ogħla numru ta’ inċidenti b’281 każ. Isegwi Ħal Qormi b’273 każ u San Pawl il-Baħar b’261 ka

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) ikkonferma li l-inċidenti tat-traffiku f’Malta żdiedu b’1% bejn Lulju u Settembru tal-2024 meta mqabbla mal-istess perjodu fl-2023. Matul dan it-tielet kwart tas-sena, kien hemm total ta' 4,395 każ irreġistrat. Din iż-żieda, għalkemm ċkejkna, tenfasizza kif l-inċidenti fit-toroq tagħna għadhom problema li mhux qed tonqos. 

Interessanti li fl-istess perjodu, il-korrimenti fit-toroq naqsu b’9.1%, u niżlu għal 388 każ meta mqabbla mal-2023. Dan ifisser li filwaqt li aktar nies qed jiġu involuti f’inċidenti, l-impatt fuq is-saħħa u l-inċidenza ta’ korrimenti gravi jidher li naqas. Il-korrimenti gravi kienu jinkludu 97 każ: 62 sewwieq, 12-il passiġġier, u 23 minn persuni li kienu miexja, ċiklisti u oħrajn. Sfortunatament, il-gravità ta’ xi wħud minn dawn il-każijiet wasslet biex tliet sewwieqa, passiġġier u ieħor li kien miexi sofrew fatalitajiet. 

L-istatistika turi li kważi nofs il-korrimenti (48.5%) kienu jinvolvu karozzi tal-passiġġieri, segwiti minn muturi bi 38.9%, u vetturi tat-trasport b’5.2%. Inċidenti bejn vetturi kienu l-aktar komuni u ħolqu 67% tal-korrimenti tat-traffiku. Dan jissuġġerixxi li għalkemm it-toroq  qed ikunu mgħammra biex ilaħħqu mal-fluss tal-vetturi, hemm bżonn iktar ħtieġa ta’ miżuri ta’ infurzar li jgħinu biex inaqqsu l-veloċità tal-karozzi u, b’hekk, ir-riskju ta’ ħsara serja. 

Fi ħdan dawn l-istatistiċi, l-inċidenti li jinvolvu ċiklisti wkoll jistgħu jiġu kkunsidrati bħala inkwetanti. Kien hemm tmien ċiklisti involuti f’inċidenti tat-traffiku, wieħed minnhom sofra ġrieħi gravi, sitta ġrieħi ħfief, filwaqt li wieħed ieħor kellu ġrieħi minimi.  

Il-lokalitajiet l-aktar affettwati 

Skont ir-rapport tal-NSO, Birkirkara kien ir-reġjun li rreġistra l-ogħla numru ta’ inċidenti b’281 każ. Isegwi Ħal Qormi b’273 każ u San Pawl il-Baħar b’261 każ.  

Din il-konċentrazzjoni ta’ inċidenti f’ċerti lokalitajiet tirrifletti wkoll l-attività kummerċjali u r-residenzjalità f’dawn iż-żoni, li jagħmluha aktar probabbli li jseħħu inċidenti. Min-naħa l-oħra, lokalitajiet iżgħar bħall-Fontana, ix-Xgħajra u San Lawrenz irreġistraw inqas minn ħames każijiet ta’ inċidenti.  

It-traffiku, bħas-soltu, kien l-aktar intens fid-distrett tal-Port il-Grigal, li rreġistra 1,506 każijiet, jew 34.3% tal-inċidenti kollha.  

Min-naħa l-oħra, żoni tan-Nofsinhar ta’ Malta – li jinkludu lokalitajiet bħall-Kalkara u Marsaskala – raw żieda sostanzjali fl-inċidenti, b’żieda ta’ 13.7%, filwaqt li Għawdex u Kemmuna rrappurtaw tnaqqis ta’ 6%.  

More in Politika