Inċentivi jekk tieqaf issuq, u lezzjonijiet tas-sewqan bil-lejl... il-gvern bi proposti ġodda għat-traffiku

Mistoqsi minn ġurnalisti dwar il-metro, kif imħabbar mill-Partit Laburista fl-2021, huwa saħaq li l-pjan għall-metro ma kienx gimmick politiku, iżda li dak iż-żmien kienet ħolma li fiċ-ċirkostanzi attwali hi ta’ piż finanzjarju kbir

Il-gvern ħabbar numru ta’ proposti ġodda mmirati lejn it-tnaqqis tat-traffiku, b’enfasi fuq miżuri li jnaqqsu l-użu tal-vetturi fl-aqwa ħinijiet.

Il-Ministru għat-Trasport, Chris Bonett, ta ħarsa dettaljata lejn dawn il-proposti waqt konferenza stampa twila nhar is-Sibt, fejn esprima li dawn il-miżuri se jkunu mibnija fuq sitt pilastri: ekonomija ta’ 24 siegħa, inċentivi biex jitnaqqas l-użu tal-karozzi, faċilitajiet għall-parkeġġ, trasport pubbliku, koordinazzjoni ta’ xogħlijiet fit-toroq, u mobilità sostenibbli.

Bonett saħaq li m’għadux jagħmel sens li ċertu servizzi jsiru kollha fl-istess ħin, u għalhekk, il-gvern se jkun eżempju billi jikkonsidra li servizzi bħal ġbir ta’ skart, tindif, landscaping u lezzjonijiet ta’ sewqan ma jsirux fl-aqwa ħinijiet tat-traffiku. Bl-istess mod, innotat li l-privat jista’ jieħu l-istess pass, b’diskussjonijiet li se jkunu qed isiru biex il-kumpaniji jagħmlu t-twassil tagħhom barra l-ħinijiet bieżla.

Proposta oħra tinkludi l-istudju dwar il-fattibbiltà ta' servizz ta’ trasport tal-merkanzija lejn Għawdex minn postijiet bħal Freeport, Kordin u l-Belt Valletta biex jitnaqqas it-traffiku lejn Ċirkewwa.

Għall-ewwel darba, Bonett ħabbar ukoll il-ħsieb li jiġu introdotti inċentivi biex iċ-ċittadini jagħtu l-liċenzja tas-sewqan tagħhom u biex iż-żgħażagħ ma jibdewx it-tagħlim tas-sewqan. Għalkemm ma daħalx fid-dettalji dwar dawn l-inċentivi, huwa kkonferma li diġà ġew allokati €5 miljun għal dan l-iskop fil-baġit.

Rigward il-problemi ta’ parkeġġ, Bonett ħabbar il-ħolqien ta' aktar faċilitajiet ta’ “park-and-ride” barra ċerti lokalitajiet fejn it-traffiku u n-nuqqas ta' parkeġġ huma problema persistenti. Barra minn hekk, proposti biex spazji pubbliċi bħall-iskejjel jintużaw bħala parkeġġ filgħaxija huma wkoll parti mill-pjan, miżura li diġà bdiet tintuża f’postijiet bħal Buġibba u Marsaskala.

Il-Ministru għat-Trasport ħabbar ukoll reviżjoni tal-rotot tal-linja eżistenti, b’tibdil medju u fit-tul li jirrifletti l-bidliet fil-popolazzjoni u fl-infrastruttura ta’ Malta mill-2014 ‘l hawn. Fost il-proposti għal żmien qasir hemm rotot speċjali għal żoni industrijali, rotot ċirkulari fi bliet kbar, u rotot ġodda b’inqas waqfiet.

Sabiex titjieb il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet fit-toroq, Bonett ħabbar li se jkun qed joħloq kummissjoni ġdida b’entitajiet governattivi responsabbli, bil-kompitu li jistabbilixxu standards u proċeduri għall-proġetti tat-toroq. Huwa appella wkoll lill-kuntratturi biex jirrispettaw lir-residenti waqt ix-xogħlijiet fit-toroq.

Il-proposti mistennija li jiġu implimentati matul numru ta’ snin, b’għan li t-tlestija ssir sal-aħħar kwart tal-2026. Madankollu, Bonett assigura li l-miżuri li jistgħu jiġu implimentati aktar malajr se jiġu mnedija kemm jista’ jkun malajr. Il-gvern se jkun qed jispiċċa l-konsultazzjoni tiegħu ma’ dawk involuti sal-aħħar tas-sena, biex jiddeċiedi dwar il-miżuri li se jimbotta ‘l quddiem sal-ewwel kwart tal-2025.

Permezz ta’ dan il-pjan, il-gvern għandu l-għan li jnaqqas it-traffiku billi jiffoka fuq bidla fil-komportament ta’ l-utenti tal-vetturi aktar milli joħloq multi jew restrizzjonijiet.

Bonett żied jgħid li se tkun maħluqa task force biex teżamina l-fattibbiltà ta’ sistema ta’ Bus Rapid Transit, fejn in-netwerk tal-linji jkollu toroq dedikati u infrastruttura adegwata. Madanakollu, il-Ministru saħaq li din l-idea għadha fi stadju bikri u li jeħtieġ li tkun ippjanata sewwa.

Huwa ma semmiex il-pjan għal metro li l-gvern kien ħabbar fl-2021 u li minn dak iż-żmien ‘l hawn ma ġiex diskuss aktar. Meta kien mistoqsi minn ġurnalisti, huwa saħaq li l-pjan għall-metro ma kienx gimmick politiku, iżda li dak iż-żmien kienet ħolma li fiċ-ċirkostanzi attwali kienet ta’ piż finanzjarju kbir.

Il-Ministru temm billi saħaq li dan huwa mument importanti għall-pajjiż biex jaħseb dwar it-tnaqqis tat-traffiku u li l-pubbliku għandu s-saħħa li jgħin fil-formazzjoni tal-pjanijiet li se jaffettwaw l-operat tat-trasport f’Malta għall-futur qarib.

More in Politika