Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, qal li l-Baġit 2025 tfassal aktar biex isalva l-pożizzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela wara r-riżultati fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f'Ġunju li għadda, milli biex jindirizza l-bżonnijiet reali tal-poplu. Dan qalu waqt konferenza stampa barra l-Parlament wara l-preżentazzjoni tal-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana.
"It-tħassib tal-Gvern huwa ċar – iktar inkwetat fuq il-karriera ta' Abela milli fuq kif il-kwalità tal-ħajja tan-nies se verament titjieb," qal Grech. Huwa qal li l-Baġit jonqos milli joffri soluzzjonijiet għal sfidi ewlenin li l-pajjiż qed jaffaċċja bħal kwistjonijiet ta’ infrastruttura, popolazzjoni żejda, servizzi nuqqas fil-provvista tal-elettriku, problemi tad-drenaġġ, u nuqqas ta' mediċini.
Grech żied jgħid li minkejja t-tema tal-Baġit li tisħaq fuq il-kwalità, ir-realtà hija li din il-kwalità mhix tingħata lin-nies, u li l-Gvern qed jirreżisti s-sejħiet tas-sħab soċjali għal viżjoni ċara għall-futur tal-pajjiż. "Ħafna kliem u wegħdiet, iżda fit-tmiem il-ġurnata l-kwalità tal-ħajja tan-nies mhix se titjieb," insista Grech.
Huwa enfasizza wkoll li l-Gvern innifsu ammetta li l-popolazzjoni se tkompli tikber, iżda mingħajr direzzjoni ċara, ma jistax ikollok Gvern li jipprepara għal dawn l-isfidi.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni rrimarka wkoll, waqt li rrikonoxxa l-pożittiv fil-Baġit, hemm nuqqasijiet kbar fejn jidħlu l-infrastruttura u r-rispons għall-problemi kbar li l-pajjiż qed jaffaċċja. Huwa għamel enfasi fuq il-kelma "kwalità" li ntużat 27 darba, iżda mingħajr spjegazzjoni kif il-Gvern se jibdel minn kwantità għal kwalità fil-ħajja taċ-ċittadini.
"Dan huwa t-13-il Baġit ta’ dan il-Gvern, iżda wara tant wegħdiet, qed jammetti li għandu problema li ħoloq hu stess," ikkonkluda Grech.