Ministri, Segretarji permanenti u CEOs ġew mistiedna fl-aħħar tal-ġimgħa f’diskussjoni fjakka mill-Prim Ministru ġewwa Villa Francia, biex jitkellmu fuq xi jrid isir qabel sentejn oħra meta tiġi mgħajta l-elezzjoni ġenerali.
Kienet forsi l-ikbar prova li Abela mhux se jagħmel elezzjoni qabel żmienha minkejja s-sondaġġi ħżiena li għandu. Anzi, l-iskop tal-Prim Ministru kien li jagħti sentiment ta’ pożittività fid-dawl tas-sondaġġi li qed juru rabja għall-gvern.
Persuna li attendiet u insistiet li tibqa’ anonima qalet lil din il-gazzetta: “tant hemm togħma ħażina fil-kabinett li diffiċli tara xi pożittività"
"Wara t-tgħajjira li ta liċ-ċivil wara l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ħadd ma qed jafda lill-Prim Ministru. U wara li weħel kulħadd fil-partit, u wara l-U-turn fuq Joseph Muscat, u wisq aktar wara l-proċeduri kriminali kontra segretarji permanenti li kienu msemmija fil-każ tal-Vitals, diffiċli tkun pożittiv.”
Waqt il-laqgħa deher ċar li l-Prim Ministru xtaq li kulħadd jagħmel l-almu tiegħu li l-miri tal-manifest elettorali jiġu mwettqa.
“Bl-eċċezzjoni ta’ xi żewġ ministri, il-Ministri kollha jħossu li ma jistgħux jafdaw lill-Prim Ministru. Jgħidilhom xi ħaġa u mbagħad jagħmel l-oppost. U wisq aktar serja jibżgħu minnu. Bħalissa hija ovvja li l-azzjonijiet tiegħu huma xprunati minn sens ta’ self preservation,” kompla jgħid is-sors.
Apparti din il-laqgħa, kienet ukoll prevista laqgħa ma’ dawk kollha involuti fil-customer care tal-Prim Ministru, attività li l-Gvern ta’ Joseph Muscat kien ipperfezzjona. Imma s-sors tagħna reġa’ stqarr: “Jagħmel x’jagħmel, huwa ċert li ċerti nies mhux se jerġgħu jivvutaw Labour wara li għamlu hekk fl-aħħar tliet elezzjonijiet. Iddeċidew … illum il-Labour mhux qed jattira lura dawn in-nies, u diffiċli timmaġina kif dan l-aħħar gimmick tal-Prim Ministru se jirbaħlu voti ġodda.