Il-Kollettiv trid il-korrispondenza ta’ Schembri fuq proġetti f’San Ġiljan u l-Mellieħa ppubblikati

L-NGO Il-Kollettiv talbu lill-gvern biex jippubblika l-komunikazzjoni kollha bejn il-Ministeru tal-Artijiet, il-persunal tal-Awtorità tal-Artijiet, l-iżviluppaturi u r-rappreżentanti tagħhom, inklużi emails u chats tal-Whatsapp rigward il-proġetti f’San Ġiljan u l-Mellieħa

Is-sejħa tasal wara li l-NGO akkużat lil Silvio Schembri li abbuża mill-pożizzjoni tiegħu biex ibigħ art lil Anton Camilleri f’San Ġiljan, u lil Paul Attard fil-Mellieħa, għal prezz negliġibli kkumparat mal-prezz oriġinali. L-istqarrija saret wara li ġie żvelat li l-kabinett ivvota favur l-emendar tal-pjanijiet lokali biex jippermetti żvilupp akbar f’Villa Rosa f’San Ġiljan. 

Nhar il-Ħamis, il-ministeru ċaħad l-allegazzjonijiet 

"Peress li l-Ministeru fid-dikjarazzjoni jgħid li "l-fatti kollha huma verifikabbli b'mod ċar," nitolbu l-pubblikazzjoni immedjata tal-komunikazzjonijiet kollha bejn il-Ministeru, il-persunal tal-Awtorità tal-Artijiet, l-iżviluppaturi u r-rappreżentanti tagħhom, inklużi l-emails u chats fuq Whatsapp, kif ukoll bħala reġistru tal-laqgħat kollha bejn il-partijiet involuti f’dawn iż-żewġ ftehim,” qalet l-NGO. 

L-NGO qalet li meta mistoqsi fil-Parlament jekk l-Awtorità tal-Artijiet qattx ħarġet tender biex tbigħ l-art fil-Mellieħa, Silvio Schembri kien talab biex ma jweġibx għax “l-informazzjoni kienet għadha qed tinġabar.” 

"Nittamaw li sa issa, din l-informazzjoni tkun inġabret, u tista’ tiġi ppubblikata għall-iskrutinju pubbliku," qalet l-NGO.

More in Politika