‘L-MCAST mhix prijorità’: L-istudenti u l-għalliema jitkellmu mal-ILLUM

L-istudenti jesprimu mal-ILLUM id-dispjaċir tagħhom dwar in-nuqqas ta’ progress u l-impatt dirett fuq il-vjaġġ akkademiku tagħhom kawża tal-kunflitt bejn il-Gvern u l-Union tal-Għalliema 

L-imblokk, kawża ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-Gvern u l-Union tal-Għalliema (MUT) dwar in-negozjati tal-ftehim kollettiv tal-letturi tal-MCAST, qanqal frustrazzjoni fost l-istudenti wkoll bil-qofol ta’ kollox jintlaħaq fi protesta organizzata mill-istudenti tal-MCAST il-Ġimgħa li ġej. Il-ftehim kollettiv ilu għaddej għal kważi tliet snin u għadu mhux solvut. 

Il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-għalliema, u mal-istudenti, dwar dak li qiegħed iħassibhom, ġranet qabel il-protesta tal-11 ta’ Ottubru. 

L-istudenta Emma Brownrigg Fenech taqbel mal-MUT li l-MCAST mhix prijorità biżżejjed għall-Gvern 

Emma Brownrigg Fenech, studenta tal-MCAST qalet li d-direttivi ħallew lill-istudenti fi stat ta’ inċertezza.  

“F’kull semestru, fl-ewwel ġimgħa, aħna l-istudenti tal-MCAST nirċievu brief li jinkludi l-assignments kollha li rridu nlestu għal kull suġġett. Madankollu, dan il-brief ma jistax jiġi provdut.” 

Dan huwa inkonvenjent, hija spjegat, speċjalment għal dawk li jkollhom bżonn struzzjonijiet speċifiċi għal xogħolhom.  

Qalet ukoll li l-komunikazzjoni mal-letturi kienet limitata ħafna minħabba d-direttivi tal-MUT, li jirrestrinġu l-kuntatt barra l-ħinijiet tal-iskola. 

“Pereżempju, jekk studenti jkollhom lekċer ta’ sagħtejn darba fil-ġimgħa jridu jitkellmu biss mal-lettur tagħhom waqt il-lezzjoni, għax jekk jibagħtu xi messaġġi lil-letturi tagħhom wara l-ħin tal-iskola, il-lettur huwa mitlub li ma jirrispondix lura skont id-direttivi tal-MUT.”  

Meta mistoqsija dwar x’jaħsbu li se tikseb il-protesta tal-Ġimgħa, Fenech qalet li qed tittama li l-Gvern jagħraf li l-istudenti mhux se jaċċettaw aktar li jinqabdu f’nofs din it-tilwima.  

Hi qalet li l-istudenti ħaqqhom ċertezza fl-edukazzjoni tagħhom. “Din il-protesta se turi li l-istudenti huma magħqudin u determinati li jsostnu għad-dritt tagħhom għal esperjenzi akkademiċi xierqa, ħielsa mill-ansjetà kkawżata minn dan il-kunflitt mhux solvut.” 

Fenech saħqet li l-edukazzjoni tal-istudenti mhix “ċippa tan-negozjar.” 

Dwar min taħseb li huwa responsabbli għas-sitwazzjoni, hi qalet li ma żżommx lil-letturi responsabbli. Qalet li huma wkoll vittmi tas-sitwazzjoni, peress li jixirqilhom pagi ġusti u kundizzjonijiet aħjar.  

“Il-gvern naqas milli jagħti prijorità lill-MCAST u jsolvi din it-tilwima, li tħalli kemm lill-istudenti kif ukoll lil-letturi f’pożizzjoni diffiċli.”  

“Fl-aħħar mill-aħħar hija r-responsabbiltà tal-Gvern li jidħol u jipprevjeni li dan jikber,” Fenech sostniet. 

Fenech qablet mal-MUT meta saħqu li l-MCAST mhix prijorità biżżejjed għall-Gvern. Skontha, “il-Gvern wera nuqqas ta’ impenn lejn l-MCAST. Pereżempju, filwaqt li miljuni ġew allokati lill-iskejjel privati biex jipprevjenu żidiet fil-miżati, l-MCAST tħalla jissielet b’impjegati u għalliema li mhumiex imħallsa biżżejjed u b’riżorsi inadegwati.”  

Hi talbet li l-Gvern u l-amministrazzjoni tal-MCAST jaslu għal soluzzjoni rapida għat-tilwima. 

Fenech temmet b’appell għal trasparenza u impenn mill-awtoritajiet biex l-MCAST isir prijorità. 

‘Bħala letturi, aħna se nagħmlu l-aħjar li nistgħu għall-istudenti tagħna taħt iċ-ċirkostanzi’ 

L-ILLUM tkellmet ukoll ma’ lettriċi fl-MCAST, li minħabba n-negozjati pendenti kellha titkellem mal-ġurnal b’mod anonimu. 

Bdiet billi fakkret li d-dewmien ilu għaddej tliet snin, saħansitra bdew strajk, iżda s-sitwazzjoni attwali hija bla preċedent. Qalet li serrħet ras l-istudenti li t-tagħlim mhux se jkun affettwat. Madankollu, li jmorru jaħdmu waqt fażi ta’ inċertezza bħal din ma jgħinx il-benessri tal-għalliema stess u huwa piż kostanti fuq moħħhom. 

Il-gazzetta ILLUM saqsiet lil din il-lettriċi dwar⁠ x’inhuma l-punti ewlenin ta’ kontenzjoni bejn il-letturi, l-MUT, u l-MCAST fin-negozjati attwali, u jekk il-letturi qed jitolbu wisq, jew il-Gvern qed jissottovaluta l-importanza tal-letturi. 

“Irridu kundizzjonijiet tax-xogħol u pakkett ta’ paga fuq l-istess livell ta’ istituzzjonijiet edukattivi oħra li joffru korsijiet ta’ livell simili ta’ edukazzjoni,” hija qalet. “L-MCAST beda bħala kulleġġ vokazzjonali postsekondarju, u seta’ kien hemm xi stigma minħabba l-element vokazzjonali, li wassal għall-idea żbaljata li kien anqas denju minn istituzzjoni edukattiva li toffri edukazzjoni li tradizzjonalment hija aktar akkademika.” 

Spjegat li l-union qed tinnegozja l-ftehim kollettiv li skada fl-2018, b’enfasi tkun fuq paga ugwali għal xogħol ugwali.  

“Irridu rikonoxximent għall-ħidma tagħna, u ħaqqna kundizzjonijiet tax-xogħol u pakkett ta’ paga daqs dawk ta’ sħabna fis-settur.”  

Dwar jekk tħosshiex ħatja jew diżappuntata li d-direttivi infurzati mill-MUT qed jaffettwaw l-interazzjonijiet u l-appoġġ tagħha għall-istudenti, il-lettur qalet li żgur mhux tieħu pjaċir. 

“Mhux nieħu pjaċir nikkawża ansjetà lill-istudenti tagħna, lanqas xejn. Nagħmlu l-almu tagħna biex nagħtu lill-istudenti tagħna l-aħjar edukazzjoni possibbli, li hija aktar minn sempliċi ħruġ ta’ marki fl-aħħar tas-semestru. Aħna kburin ukoll li naraw lill-istudenti tagħna jirnexxilhom jiksbu l-kwalifiki tagħhom, jibdew il-karriera tagħhom wara l-gradwazzjoni u jimxu ’l quddiem fl-oqsma magħżula tagħhom.” 

“Żomm f’moħħok li ħafna lekċerers huma wkoll ġenituri ta’ tfal fl-età tal-iskola u esperjenzaw direttivi u strajks bħala ġenituri. Hemm ukoll lekċerers mat-tfal li huma studenti tal-MCAST.” 

Qalet ukoll li minkejja mhux pjaċevoli, direttivi u strajks qegħdin hemm biex primarjament jagħmlu pressjoni fuq min iħaddem u entitajiet oħra involuti fin-negozjati, avolja, sfortunatament, ikollhom konsegwenzi xejn pjaċevoli. 

“Jien kont qed nirċievi direttivi u strajks bħala studenta u bħala persuna fil-bżonn ta’ servizz partikolari. Għalhekk nifhem it-tħassib u t-tfixkil li jista’ jikkawża... għadna qed inwasslu lekċers, nieħdu attendenza, naħdmu fuq il-kontenut tal-kors u nikkomunikaw mal-istudenti. Bħala letturi, aħna se nagħmlu l-aħjar li nistgħu għall-istudenti tagħna taħt iċ-ċirkostanzi. Imma rridu nidħlu f’azzjoni industrijali jekk irridu ninstemgħu.” 

Rigward soluzzjonijiet li jistgħu jintlaħqu, il-lettriċi qalet li, bħal kulħadd, tixtieq tara ftehim kollettiv ġdid. 

“Kien hemm tneħħija ta’ direttivi dwar marki ta’ valutazzjoni fix-xitwa li għaddiet, u għal darb’oħra tneħħija parzjali ta’ direttivi dwar marki ta’ valutazzjoni f’Ġunju li għadda bħala sinjal ta’ rieda tajba. Nafu li n-negozjati saru minn dakinhar u l-affarijiet kienu miexja. Qiegħed jitfa’ dell fuq is-sena akkademika l-ġdida.” 

Dwar jekk l-MCAST mhix prijorità biżżejjed għall-Gvern, hi qalet li l-union dejjem trid l-aħjar ftehim possibbli għall-membri tagħha. “In-negozjati qatt mhu se jkunu mixja fil-park. Madankollu, meta nkunu nafu li wasalna f’dan l-istadju, iġegħelna nistaqsu jekk aħniex prijorità xejn.” 

More in Politika