Il-Laburisti inkwetati bit-traffiku, in-Nazzjonalisti bil-korruzzjoni imma l-barranin qed iħassbu lil kulħadd

Sondaġġ MaltaToday: L-ammont ta’ ħaddiema barranin fil-pajjiż hu l-ikbar problema fil-pajjiż bħalissa għal 22% tal-Maltin

L-ammont ta’ ħaddiema barranin fil-pajjiż hu l-ikbar problema fil-pajjiż bħalissa għal 22% tal-Maltin, waqt li 21% jaħsbuli t-traffiku hu l-ikbar problema, segwit mill-korruzzjoni, b’14% tal-Maltin jaħsbu li hi l-ikbar problema fil-pajjiż bħalissa. 

Madankollu, l-istħarriġ juri xejriet differenti meta wieħed janalizza l-lista ta’ problemi msemmija minn votanti differenti.

Għall-votanti Nazzjonalisti, l-ikbar problema fil-pajjiż bħalissa hija l-korruzzjoni (27%), segwita mill-ammont ta’ ħaddiema barranin (17%), mit-traffiku (14.5%), u l-inflazzjoni (12%).

Imma huma biss 3% tal-votanti Laburisti li għalihom il-korruzzjoni hi l-ikbar problema. Fost dawn, l-ikbar problema hi t-traffiku (28%), segwita mill-ħaddiema barranin (25%), mill-inflazzjoni (11%), u mill-bini żejjed (9%).

Iżda fost dawk li mhux se jivvutaw, l-ikbar problemi fil-pajjiż bħalissa huma l-ħaddiema barranin (26.5%), it-traffiku (21.4%) u l-bini żejjed u l-kostruzzjoni (14%). Il-korruzzjoni hija msemmija bħala l-ikbar problema minn 10% ta’ dawk li mhux beħsiebhom jivvutaw. L-inflazzjoni hi msemmija minn 7% biss ta’ dawn il-votanti.

Dan jindika li fost din il-kategorija strateġika li tista’ trebbaħ l-elezzjoni li jmiss lil wieħed miż-żewġ partiti l-kbar, l-ikbar inkwiet huwa dwar il-konsegwenzi tal-mudell ekonomiku mħaddan mill-gvern preżenti li rriżulta f’influss qawwi ta’ ħaddiema barranin u pressjoni qawwija fuq l-ibliet u l-irħula minn proġetti ta’ kostruzzjoni. Madankollu huma ftit li jsemmu problemi relatati ma’ flus fil-but. 

Huma biss 3% ta’ dawk li mhux se jivvutaw u 1% tal-votanti kollha li jsemmu l-pagi baxxi bħala l-ikbar problema fil-pajjiż. 

Dan jindika, jew li ħafna Maltin sejrin tajjeb, jew li dawk li qed ibatu qed iwaħħlu fil-barranin għall-problemi li qed jaffaċċjaw. 

L-istħarriġ juri wkoll li l-inkwiet fuq l-għoli tal-ħajja naqas drastikament minn Frar li għadda meta l-inflazzjoni kienet meqjusa bħala l-ikbar problema tal-pajjiż minn 29% tal-Maltin. Dan jirrifletti tnaqqis fir-rata tal-inflazzjoni, kif ukoll miżuri meħuda mill-Gvern tul l-aħħar xhur biex jindirizzaw din il-problema.

Interessanti li għall-ewwel darba fl-istħarriġ, perċentwal sinifikanti (8%) semmew iż-żieda fil-popolazzjoni bħala l-ikbar problema mingħajr ma rreferew għall-ħaddiema barranin. Dan jindika li hawn kategorija dejjem tikber li jħossu li l-infrastruttura tal-pajjiż ma tiflaħx għall-ammont ta’ barranin li qed jiġu impurtati. 

Fuq bażi reġjonali, l-istħarriġ jindika li l-inkwiet dwar il-ħaddiema barranin hu l-ikbar fir-reġjun ta’ Nofsinhar tal-Port il-Kbir li jinkludi l-Kottonera, b’31% jsemmu l-ħaddiema barranin bħala l-ikbar problema. Interessanti wkoll hu l-fatt li l-inkwiet fuq il-bini żejjed hu l-ikbar fir-reġjun tax-Xlokk (15%), reġjun ieħor li jxaqleb lejn il-PL. Min-naħa l-oħra l-inkwiet fuq il-korruzzjoni hu l-iktar b’saħħtu f’Għawdex (26%), reġjun fejn il-PN għamel progress sinifikanti fl-istess stħarriġ

More in Politika