Clyde Caruana: 'Ma naħsibx illi d-distakk hu 12,000, iżda forsi l-partiti jinsabu qrib xulxin'

Il-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana, jgħid li l-PL qed jaffaċċja diffikultajiet li se jwasslu għal elezzjoni taħraq, b'riżultati viċin ta' xulxin, jekk il-Gvern ma jindirrizzax id-diffikultajiet tan-nies

Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana stqarr li kieku ssir elezzjoni ġenerali għada, ir-riżultat bejn iż-żewġ partiti politiċi ewlenin ikun “viċin ħafna.”

"Ma naħsibx illi hemm distakk ta' 12,000, imma li forsi l-partiti jinsabu qrib xulxin, iva naħseb li hu il-każ," qal Caruana nhar it-Tnejn filgħaxija.

Waqt li kien qed jirreaġixxi għall-istħarriġ politiku tal-Ħadd ippubblikat minn MaltaToday waqt il-programm Xtra fuq TVM, Caruana ammetta li l-Partit Laburista qed jiffaċċja diversi sfidi, li saru agħar minn wara l-elezzjonijiet ta' Ġunju.

Il-Ħadd li għadda, MaltaToday irrappurtat kif il-Partit Nazzjonalista jinsab fuq quddiem b’vantaġġ ta’ 11,699 vot fl-ewwel sondaġġ politiku wara l-elezzjonijiet tal-MPE f’Ġunju.

"Iċ-ċavetta qegħda f'idejn il-gvern. Il-messaġġ mingħand in-nies ilu jasal," irrimarka Caruana fir-rispons tiegħu għar-riżultati tal-istħarriġ.

Huwa wkoll li b’mod kontinwu kien enfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati kwistjonijiet differenti li qed jolqtu lill-pubbliku.

"Bħala ministru, forsi fil-passat kien hemm xi persuni li ma kienux kuntenti b'dak li ngħid, imma kilt ilsieni ngħid dwar x'naħseb li huma l-isfidi illi qegħdin idejqu lin-nies."

"Bħala gvern, naħseb hu konxju ta' dawn il-problemi imma naħseb li issa rridu nmorru lil hinn milli nħossuna konxji u rridu naraw kemm wieħed se jindirizza dawn l-issues kollha b'mod prattiku."

Il-programm Xtra irritorna t-Tnejn filgħaxija b'diskussjoni ma' Caruana fuq il-Baġit, iżda wkoll b'dibattitu bejn il-Ministru għat-Trasport Chris Bonett u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport, Mark Anthony Sammut.

More in Politika