Kull entità taħt il-portafoll ministerjali ta’ Byron Camilleri qed tfalli fir-responsabbiltajiet tagħha, qal il-Partit Nazzjonalista nhar l-Erbgħa.
“Hu [Byron Camilleri] kien assenti s-sajf kollu waqt li kien qed jiddomina l-aħbarijiet, imbagħad iddeċieda li juri wiċċu f’żewġ intervisti, ta sett ta’ tweġibiet studjati u aġixxa bħallikieku mhux qed nassistu għal żewġ inkjesti kbar fil-qorti li jirriżultaw f’fallimenti sistemiċi,” qal il-kelliem tal-Oppożizzjoni Darren Carabott f’konferenza tal-aħbarijiet.
Preżenti għall-istess laqgħa kien hemm id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg.
Il-kummenti tagħhom waslu wara li l-ministru kien affaċċja numru ta’ talbiet dwar entitajiet li jaqgħu taħt il-mandat tiegħu, fosthom l-iskandlu tal-karti tal-identità ta’ Identità, l-allegazzjonijiet ta’ multi tal-LESA, u stħarriġ tal-pulizija dwar il-laqgħat sigrieti ta’ Yorgen Fenech fl-uffiċċju tal-kap tal-istrateġija tal-ħabs.
“Meta [Identità] saru jafu bis-sitwazzjoni, mill-ewwel ressqu quddiem il-pulizija, allura, nistaqsi, Byron Camilleri kien jaf b’dan u ma nformax lin-nies dwaru?” Carabott qal dwar l-iskandlu tal-Identità.
Carabott kompla jgħid li l-PN għandu talba waħda biss, dik li l-gvern jippubblika l-Labour Market Research study.
“Ilna xhur nistennew u jidher ċar, il-ministru m’għandux tweġiba. Bl-istess mod, ma riedx jippubblika l-investigazzjoni interna dwar is-sitwazzjoni tal-Identitá,” qal Carabott.
Jitkellem dwar l-attakk kontra żewġ uffiċjali tal-pulizija s-Sibt filgħaxija, Carabott qal li l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa u Byron Camilleri naqsu milli jassiguraw li l-korp tal-pulizija jkollu biżżejjed riżorsi biex jaqdi dmiru.
Min-naħa tagħha, Buttigieg qalet li Camilleri jissimbolizza tnaqqis “fil-viżjoni, fl-ippjanar, fil-governanza, fit-trasparenza. L-entitajiet taħt ir-responsabbiltà tiegħu jinsabu f’sitwazzjoni fejn kulħadd ifendi għal rasu.”
“Minn mindu l-PN għamel appell għal nies li qed jirċievu posta f’isem persuna oħra fid-dar tagħhom u talbuhom jitkellmu magħna, irċevejna bosta tweġibiet,” qalet dwar l-iskandlu tal-Identità. “L-inkwiet li għandu kulħadd hu: min huma dawn in-nies li huma reġistrati fl-indirizz tad-dar tiegħi? Ħadd ma jaf min huma dawn in-nies, jew fiex daħlu. Dan huwa każ ta’ nuqqas ta’ sigurtà mill-ministeru ta’ Byon Camilleri.”
Il-kelliema qalu li qed iżommu lill-ministru responsabbli għal dak li qed jiġri taħt l-għassa tiegħu.