Il-Partit Nazzjonalista talab għar-riżenja tal-Ministru għall-Intern Byron Camilleri fid-dawl tal-aħħar rivelazzjonijiet legali tal-aġenzija Identità.
“Il-Gvern ta’ Robert Abela tilef il-kontroll,” qalu l-Kelliema tal-Oppożizzjoni Darren Carabott u Ivan Castillo l-Ħamis filgħodu.
Huma qalu li l-assenza assoluta ta’ Byron Camilleri turi li m’għadux tajjeb għall-kariga li jokkupa u għandu jirriżenja.
Il-kelliema fakkru kif mijiet ta’ persuni rċievew korrispondenzi fil-propjetà tagħhom iżda b’isem li lanqas biss jafu min hu u “dan qed jinkwieta lir-residenti, partikolarment l-anzjani u dawk vulnerabbli.”
Huma qalu li quddiem dan kollu, kompla jiddomina s-skiet assolut ta’ Byron Camilleri, bl-aħħar stqarrija ta’ reazzjoni kienet fl-aħħar tax-xahar li għadda. Fakkru li l-ministru bil-kemm irreaġixxa għat-talba mill-Avukat Jason Azzopardi għal Inkjesta dwar 18,000 Karta tal-Identità falza.
Il-kelliema qalu li l-poplu għandu bżonn ta’ Gvern b’sinsla iżda, minflok, qed jara biss silenzju assolut.
“Dan mhux fil-każ ta’ Identità biss, iżda anke dwar affarijiet oħrajn li wieħed stenna li Byron Camilleri jitkellem dwarhom, bħall-estensjoni tat-terminu tal-Kummissarju tal-Pulizija, li kienet żvelata mill-media bħalma ġara fil-mewta ta’ persuna fit-Taqsima Forensika,” żiedu jgħidu.
Qalu li s-skiet tal-Gvern kompla wkoll mill-fatt li għaddew aktar minn 24 siegħa minn meta l-Partit Nazzjonalista talab li jkun ippubblikat l-istħarriġ xjentifiku dwar is-suq tax-xogħo.
Il-kelliema fakkru wkoll f’Mistoqsija Parlamentari li għamel Kelliem ieħor tal-Oppożizzjoni, David Agius, dwar kemm hemm ħaddiema fis-suq tal-food couriers u kif Byron Camilleri wieġeb biss li m’hemmx kategorija għal dawn il-ħaddiema.
Huma temmew jistaqsu kif jista’ jkun li settur ikun saturat jekk ma jkollokx informazzjoni ta’ kemm hemm ħaddiema jaħdmu fih.