Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ddeċieda li ma jsegwix investigazzjoni dwar l-allegat użu ħażin tal-passaport diplomatiku mill-eks Prim Ministru, Joseph Muscat, minħabba li m'għandu l-ebda ġurisdizzjoni fuq persuni li m'għadhomx membri tal-parlament.
Fid-deċiżjoni tiegħu dwar it-talba għall-investigazzjoni li kienet saret minn Arnold Cassola f'Marzu 2023, il-Kummissarju, l-Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi, qal li kienet f'idejn il-gvern li jerġa' jikkunsidra jekk jippermettix lil Muscat ikompli jżomm il-passaport diplomatiku.
Cassola kien għamel it-talba wara li l-Prim Ministru Robert Abela kkonferma li passaport diplomatiku kien inkluż bħala parti mill-pakkett ta' benefiċċji ta' Muscat, u argumenta li l-eks mexxej Laburista ma kienx uffiċjal pubbliku, u lanqas rappreżentant tal-gvern ta' Malta.
"Dan huwa abbuż ta' poter," kien qal Cassola dak iż-żmien. "Passaport diplomatiku jinżamm u jintuża minn uffiċjali tal-istat Malti jew persuni li jaħdmu fuq missjonijiet diplomatiċi għall-awtoritajiet Maltin. Joseph Muscat mhuwiex la wieħed u lanqas l-ieħor."
Fl-istess deċiżjoni mogħtija lbieraħ, l-Imħallef Azzopardi qal li, peress li Muscat m'għadux Prim Ministru jew membru tal-parlament, il-kwistjoni ma taqax fil-kamp tal-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika u konsegwentement lanqas tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
L-Imħallef irtirat żied jgħid li ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li xi persuna taħt l-Att kienet kompliċi fl-allegat ksur tal-politika. Għalhekk din l-allegazzjoni ma tistax tiġi investigata minn dan l-Uffiċċju.
"L-uffiċċju jifhem li m'hemm l-ebda mekkaniżmi li jippermettu lill-ministeru jissorvelja kif qed jintużaw il-passaporti diplomatiċi minn eks-Prim Ministri u li ma kinux qed jinżammu rekords tal-movimenti faċilitati minn dawn il-passaporti, kif iddettat mill-politika tal-passaport diplomatiku."
Il-Kummissarju qal li kien kuntent li l-preżentazzjoni ta' din il-kwerela wasslet lill-uffiċċju li jamministra l-passaporti diplomatiċi biex iwiegħed aktar kontrolli fuq l-użu tagħhom "u li din il-wegħda ġiet miżmuma."
“Huwa f'idejn il-kabinett li jiddeċiedi jekk Joseph Muscat għandux jibqa' juża l-passaport diplomatiku tiegħu,” qal il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Fil-konklużjoni tiegħu, il-kummissarju qal li l-investigazzjoni dwar l-ilment ma setgħetx tkompli għax ma kien hemm l-ebda indikazzjoni ta' ħażen minn membri tal-gvern attwali.
Barra minn hekk, is-suġġett tal-ilment, Muscat innifsu, ma setax jiġi investigat għax m'għadux taħt il-ġurisdizzjoni tal-kummissarju, peress li rriżenja mis-siġġu tiegħu fil-parlament f'Ottubru 2020.
Il-kummissarju rrimarka li l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi wkoll kien żamm il-passaport diplomatiku tiegħu.
Kienet ukoll id-deċiżjoni kollettiva tal-kabinett li tagħti l-passaport diplomatiku bħala parti mill-pakkett ta' benefiċċji ta' Muscat, qal, u l-Prim Ministru ma setax unilaterali jiddeċiedi li jirrevoka deċiżjoni meħuda mill-kabinett, mingħajr ma l-ewwel iqajjem il-kwistjoni mill-ġdid fi ħdan l-istess kabinett.
Huwa żied li l-ilment kien eżaminat fil-kuntest tal-2023 u hija f'idejn il-gvern li jiddeċiedi jekk hemmx bżonn ta' xi azzjoni ulterjuri fid-dawl tal-fatt li Muscat issa qed jiffaċċja akkużi kriminali relatati mad-deal tal-isptarijiet.
Fl-2020, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru rrifjuta li jiżvela d-dettalji tal-pakkett ta' benefiċċji, madankollu, ġie żvelat li rċieva madwar €120,000 f'pagamenti ta' severance.
Il-pakkett ta' benefiċċji tal-eks Prim Ministru jinkludi wkoll karozza b'sewwieq kif ukoll l-użu ta' karozza oħra, żewġ linji tat-telefon u konnessjoni tal-internet, kompjuter jew laptop b'printer u scanner, telefon, kif ukoll assistent personali.