Fis-Swieqi: ‘Abbużati fiżikament u mentalment ... l-awtoritajiet ilhom jinjoraw it-talbiet tal-Kunsill’
Il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ ma’ Jordan Galea Pace, il-Viċi Sindku ġdid tas-Swieqi, dwar is-serje ta' vandaliżmu, u nuqqas ta' sigurtà fis-Swieqi

minn Marianna Calleja

L-ewwel darba tiegħu fil-politika ġiet milqugħa b’suċċess kbir, fejn irnexxielu jieħu postu b'maġġoranza kbira ta’ voti. Nitkellmu dwar l-istrateġiji tal-kampanja tiegħu, ir-rwol taż-żgħażagħ fl-elezzjonijiet, u l-influwenza ta’ figuri politiċi prominenti bħal Roberta Metsola fuq il-partit. Hu jaqsam mal-gazzetta l-pjan tiegħu biex jindirizza l-kwistjonijiet urġenti fis-Swieqi, bħas-sigurtà u l-vandaliżmu.
Kienet l-ewwel darba tiegħek li kkontestajt, u tlajt b’voti komdi. Kif ħassejtek?
Kelli kampanja magħmula mill-fatt li nkun man-nies kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa. Il-kampanja tiegħi kienet u għadha li niltaqa’ man-nies għax nemmen bis-sħiħ li l-politika hija tan-nies.
Temmen li ż-żgħażagħ lagħbu fattur importanti fil-votazzjoni, fid-distakk, u fil-kandidati li rnexxielhom jiġu eletti?
Fil-Partit Nazzjonalista u fil-Partit Laburista kien hemm ħafna żgħażagħ li marru tajjeb b’riżultati eċċellenti. Deher ċar li l-Maltin iridu bidla fil-klassi politika meta vvutaw għal kandidati żgħażagħ b’dawn in-numri. Jien naħseb li ż-żgħażagħ ħarġu jivvutaw għall-kandidati żgħażagħ, inkella ma kienx ikun hawn dan ir-riżultat.
Bosta argumentaw li mingħajr Roberta Metsola, il-Partit Nazzjonalista ma kien jasal imkien. X’tikkummenta dwar dan?
Roberta Metsola kissret rekord nazzjonali tal-iżjed kandidata li qatt ġabet voti fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, kif ukoll kissret rekord bħala perċentwal fuq livell Ewropew. Kieku ma kinitx stilla, ma kinitx iġġib fiduċja b’90% tal-voti tal-MEPs fil-Parlament Ewropew.
X’inhuma l-aktar sfidi li qed iħassbu lir-residenti fis-Swieqi bħalissa? Kif beħsiebek tindirizzahom?
Bħalissa hemm tnejn; sigurtà u vandaliżmu. Jien se nagħmel ħilti biex ngħin il-Kunsill jitfa’ pressjoni biex tinfetaħ għassa fis-Swieqi li tkun miftuħa 24/7. Dan filwaqt li jibdew isiru rondi mill-pulizija, speċjalment fis-sajf meta jiżdiedu aktar il-problemi. Jien se nibqa’ ndur in-nies biex nara xi problemi jista’ jkollhom u kif nistgħu nsolvuhom.
Semmejt il-vandaliżmu. X’kienu wħud mill-inċidenti ta’ vandaliżmu li ltqajtu magħhom sa issa? Kemm ilhom għaddejjin?
Ilni inqas minn xahar minn mindu ġejt elett, u s’issa dawn huma l-problemi li affaċċjajt: Tkissir tal-karozzi matul il-lejl, attakki fuq ir-residenti, nies li jkunu ġejjin minn Paceville jħammġu d-djar tan-nies u jwettqu atti ta’ vandaliżmu. Dawn huma problemi li ilhom għaddejjin żmien u għomor, u l-Kunsill ilu jimbotta biex isir xi ħaġa. Id-differenza issa hi li jien se nibqa’ niġġieled biex dawn il-problemi jiġu indirizzati f’dawn il-ħames snin.
Qed tinnotaw ċerti żoni jew postijiet madwar is-Swieqi li qed ikunu attakkati aktar minn oħrajn?
Iva. L-aktar żoni li qed jiġu affettwati huma dawk l-aktar viċin ta’ Paceville, hekk kif ir-residenti ta’ dawk in-naħat qed jiġu abbużati fiżikament u mentalment. Għalhekk għandna bżonn il-pulizija għaddejjin bir-rondi speċjalment bejn is-2am-5am.
X’impatt kellu dan il-vandaliżmu fuq ir-residenti?
Ir-residenti ġew attakkati kemm bil-fliexken, bil-bajd, u bil-ħmieġ, kif ukoll għamlu ħsara lill-karozzi u lid-djar tagħhom. Ghalhekk in-nies qed iħossuhom li qegħdin taħt assedju, jew li qed jgħixu f’post fejn hemm gwerra għaddejja.
Bħala kunsillier inti rrapportajt persuna partikolari li għamlet il-bżonnijiet tagħha quddiem residenza. Kien hemm aġġornament dwar dan? Bħala kunsillier, jew Kunsill, se tkunu qed tieħdu aktar azzjoni?
Jiena għent billi gbart il-provi u mort miegħu biex nagħmel rapport lill-pulizija.
Qed issibu għajnuna mill-awtoritajiet jew mill-pulizija?
Nixtieq nirringrazzja lill-pulizija tal-għajnuna u l-koperazzjoni tagħhom. L-awtoritajiet ilhom jinjoraw it-talbiet tal-Kunsill għal aktar rondi u li jiftħu l-għassa tas-Swieqi, speċjalment meta għandek post bħal Paceville viċin tagħna.
Bħal lokalitajiet oħra madwar Malta u Għawdex, is-Swieqi esperjenza qtugħ ta’ dawl matul il-ġimgħa l-oħra. Kemm dam il-qtugħ? L-Enemalta kkomunikat magħkom dwar il-qtugħ?
Kien hemm postijiet fis-Swieqi fejn inqata’ d-dawl għal sigħat twal ħafna. L-Enemalta ma taw ebda informazzjoni u m’offrewx għajnuna, u anqas biss taw aġġornamenti ċari fuq is-sit tagħhom, u t-telefown tal-customer care kien iġġammjat bit-telefonati. In-nies ta’ dawn il-lokalitajiet ma tawx kashom.
Kif ħriġt bl-idea li tqassam kotba lir-residenti? Kellek xi ħjiel ta’ liema kotba tixtieq tagħżel biex tqassam, u x’kienet ir-raġuni wara l-għażla? X’kien il-feedback tan-nies?
Kelli ħafna kotba li tawni r-residenti biex jgħinu lill-Kunsill, u jiena dak il-ħin meta indunajt li n-nies kienu bla dawl ħadt il-parir tal-Ministru Julia Farrugia u mort insib residenti, speċjalment anzjani, biex nara li jinsabu tajbin minħabba l-qtugħ, u jekk għandhomx bżonn xi ħaġa u ħallejtilhom ktieb. Ir-residenti apprezzaw is-sarkażmu u s-sens ta’ umoriżmu fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni xejn feliċi.
Lil Miriam Dalli wkoll iddedikajtilha ktieb. Liema kien? Għaliex għażilt lilu?
Kien ktieb tal-kampanja tal-Partit Nazzjonalista ta’ “Futur fis-Sod”, forsi tista’ taqrah u tieħu xi ideat, bit-tama li jkollna “futur bid-dawl”.
