Se jżiedu 50 sodda f’Mater Dei wara li l-amministrazzjoni tiċċaqlaq barra l-isptar
Sorsi li jaħdmu f'Mater Dei jgħidu lill-ILLUM li qed jiġu ppreparati biex jiċċaqalqu mill-isptar għall-binja fejn qabel kienet tal-HSBC fis-Swatar ħalli minflokom tinbena sala ta' madwar 50 sodda

minn Marianna Calleja

Numru ta’ persuni li jaħdmu fl-amministrattiv tal-Isptar Mater Dei qed jibdew jiġu ppreparati sabiex jitmexxew mill-uffiċini tagħhom fl-isptar għal uffiċini ġodda fis-Swatar.
Sorsi li jaħdmu fl-isptar sess spjegaw lill-ILLUM kif il-ħsieb huwa li fil-ġimgħat li ġejjin huma jitmexxew għall-binja l-antika li kienet qabel tilqa’ l-aġenti tal-customer care tal-bank HSBC.
Sorsi oħra qalu li ma tantx tawhom informazzjoni, iżda lilhom ukoll avżawhom li se jkunu qegħdin jiċċaqalqu "sat-tmiem is-sajf żgur."
Dan iċ-ċaqliq hu konferma ta’ dak li l-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela qal mal-ILLUM il-Ħadd li għadda.
Il-pjan tal-Isptar Mater Dei hu illi jara żieda fis-sodod, u spinta biex jonqos il-ħin ta’ stennija fid-Dipartiment tal-Emerġenza permezz tar-rilokazzjoni ta’ xi servizzi wkoll.
Abela kien spjega mal-ILLUM li s-sitwazzjoni f’Mater Dei se tinnota bidliet hekk kif is-sodod jridu jiżdiedu b’600. Bħalissa, l-isptar għandu madwar 1,200 sodda.
Ħafna mill-120 impjegat amministrattiv tal-isptar se jiġu mċaqalqa għal uffiċċji barra mill-grounds tal-MDH u f’uffiċċji fis-Swatar fil-viċin. Dan se tagħti lok għal żewġ swali ġodda ta’ 50 sodda b’kollox.
Minkejja li l-ministeru għas-Saħħa ma kkonfermax dan mal-ILLUM, is-sorsi qalu li huma ġew infurmati b’dan kollu ftit żmien ilu.
“Qalulna li l-ewwel iridu jitilqu tal-customer care, suppost sa’ Ġunju, imbagħad niċċaqalqu aħna,” persuna li xtaqet tibqa’ annonima qalet lil din il-gazzetta.
“Iva aħna konna nfurmati li se nmorru fil-binja tal-HSBC, u hawn se jinbidel sala sħiħa biex tilqa’ n-nies fil-bidu tax-xitwa,” qal lill-gazzetta raġel ieħor.
Abela qal lill-ILLUM li l-istess se jiġri bi kmamar li bħalissa huma użati biex jaħżnu għodda mediċinali tad-diżinfettar u dokumenti fiżiċi. Dawn se jitmexxew f’ambjent diġitali fil-każ tad-dokumenti, u f’post ieħor fil-każ tal-għodda biex minflokhom jsir post għal aktar teatri tal-operazzjonijiet.
F’Diċembru li għadda l-HSBC fl-Ingilterra ħabbar li ċ-ċentru tiegħi fis-Swatar se jagħlaq il-bibien, b’200 impjegat isibu ruħhom bla xogħol. HSBC kienu qalu ukoll illi kienu f’taħdiet mal-awtoritajiet sabiex dawn l-impjegati jitmexxew f’ċentri oħra simili lokali.
Il-Gvern ifittex l-għajnuna tas-settur privat biex inaqqas it-tensjoni fid-dipartiment ta’l-Emerġenza
Il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva nieda sejħa għall-interess biex jikkuntratta s-servizzi ta’ emerġenza lis-settur privat, bil-għan li jipprovdi aċċess għas-servizzi tas-saħħa 24/7. Din il-kollaborazzjoni, skont il-ministeru, hija mfassla biex ittejjeb il-faċilitajiet għall-pazjenti, tikkontribwixxi għall-effiċjenza, u tikkomplementa s-servizzi pprovduti mill-Isptar Mater Dei.
Il-Ministru Jo Etienne Abela enfasizza li din l-inizjattiva se tiżgura li l-pazjenti jirċievu kura tal-ogħla livell, tnaqqas il-ħinijiet ta’ stennija, u tnaqqas it-tensjoni fuq Mater Dei. “Din hija waħda minn serje ta’ inizjattivi li qed jiġu mnedija biex id-Dipartiment tal-Emerġenza jsir aktar vijabbli. Il-pazjent jibqa’ fiċ-ċentru tal-isforzi tagħna,” qal Abela.
Is-sejħa għal kollaborazzjoni mas-settur privat tiġi wara żieda qawwija fil-każijiet tal-COVID-19, li tefgħu aktar tensjoni fuq id-Dipartiment tal-Emerġenza ta’ Mater Dei, fejn il-ħinijiet ta’ stennija laħqu anke sa 12-il siegħa f’xi ġranet. Din iż-żieda qed tagħfas fuq l-isfidi eżistenti, bħall-ispazju limitat tas-sodod u numru sinifikanti ta’ każijiet soċjali—pazjenti li m’għadhomx jeħtieġu kura klinika iżda m’għandhomx akkomodazzjoni alternattiva.
Professjonisti tal-kura tas-saħħa innutaw li l-varjant attwali tal-COVID-19, għalkemm inqas sever, huwa ħafna infettiv, u wassal għal żieda fl-ammissjonijiet fl-isptar. L-aħħar varjanti tal-COVID, magħrufa kollettivament bħala FLiRT, ikkontribwew għal rati ta’ infezzjoni ogħla, speċjalment wara ċertu avvenimenti kbar. Skont l-aħħar rapporti, Mater Dei qed jittratta 66 pazjent bil-COVID, għalkemm il-ħaddiema tas-saħħa jissuġġerixxu li dan in-numru jvarja.
Id-deċiżjoni tal-gvern li jfittex l-involviment tas-settur privat qanqlet dibattitu. Anthony Buttigieg, eks-mexxej tal-PD u tabib f’isptar privat, ikkritika l-mossa, u sejħilha “ammissjoni ta’ falliment” mill-gvern. Huwa esprima tħassib dwar is-sigurtà u l-effettività li tibgħat lill-pazjenti f’faċilitajiet privati mingħajr appoġġ u infrastruttura adegwata.
Buttigieg ippropona soluzzjoni alternattiva: li jitwaqqaf ċentru 24/7 mannat minn professjonisti mediċi biex jagħtu pariri lill-pazjenti dwar il-faċilità xierqa bbażata fuq is-sintomi tagħhom. Din is-sistema, sostna, tnaqqas ir-riskji assoċjati ma’ pazjenti li jieħdu deċiżjonijiet mingħajr informazzjoni f’sitwazzjonijiet urġenti.
Dak li ġie rraportat mill-ILLUM
Il-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela qal mal-ILLUM il-Ħadd li għadda li hu se jerfa’ r-responsabbiltà kollha ta’ dak kollu li qed iseħħ fl-Isptar Mater Dei, minkejja l-kritika li qed iqatta’ ħafna ħin jopera minflok jagħmilha ta’ Ministru. Huwa rrefera għall-pjan ta’ riġenerazzjoni u espansjoni tal-Emerġenza, li se tkopri żieda ta’ cubicles minn 30 għal 70, u swali ġodda.
Abela spjega li mistennija tinfetaħ sala ġdida b’50 sodda u t-tenders għall-espansjoni tal-emerġenza qed jitħejjew minn issa. Fil-preżent, fl-emerġenza hemm biss 30 cubicle jilqagħu lin-nies anke fis-sigħat l-aktar impenjattivi, b’tobba u speċjalisti bejn 32 u 35, u infermiera u carers jagħtu servizz f’kull shift.
Il-Ministeru qed jippjana kampanja ta’ edukazzjoni għall-pubbliku biex jgħinhom jidentifikaw kundizzjonijiet li jistgħu jiġu trattati barra mill-isptar. Hemm ukoll il-pjanijiet biex titnieda hotline tat-telemediċina fuq in-numru 1400 biex tnaqqas l-istennija fid-departiment tal-emerġenza. Tabib fuq il-linja jagħti parir dwar l-aħjar trattament, u xi pazjenti jiġu diretti lejn ċentri tas-saħħa lokali.
Il-Gvern qed jippjana li jesternalizza każijiet inqas kritiċi lil sptarijiet privati u qed jifformula politika li tirrikjedi ċittadini ta’ pajjiżi terzi jkollhom assigurazzjoni privata għall-ewwel sena ta’ residenza. Dan ifisser li ħaddiema mhux tal-UE ma jistgħux jieħdu kura tas-saħħa mingħajr ħlas għall-ewwel 12-il xahar.
L-espansjoni nnifisha tad-departiment tal-emerġenza f’Mater Dei se tiswa lill-Gvern aktar minn €17-il miljun u se żżid il-kubikoli għal 70, adattati għall-bżonnijiet ta’ Malta għall-20 sena li ġejjin. Is-sodod f’Mater Dei se jiżdiedu b’600, minn 1,200 sodda bħalissa.
Ħafna mill-120 impjegat amministrattiv se jiġu mċaqalqa għal uffiċċji barra mill-grounds tal-MDH u f’uffiċċji fis-Swatar. Kmamar ta’ ħażna mediċinali u dokumenti se jiġu rilokati għal ambjenti diġitali jew f’postijiet oħra, u dawn l-ispazji se jiġu konvertiti f’aktar teatri tal-operazzjonijiet.
Il-gvern se jirranġa u jibni mill-ġdid l-Isptar San Luqa, fejn se jċaqlaq numru ta’ servizzi bħal kirurġiji ta’ ġurnata, servizzi outpatients, u d-dipartiment dentali. L-iskola medika u tal-infermiera se timxi wkoll fl-isptar San Luqa.
Se tiżdied il-kapaċità tas-sodod fl-Intensive Therapy Unit minn 20 għal 28 sodda billi jiġu ssagrifikati l-kmamar tal-konferenzi.
