ŻVELAT | Dak li seħħ waqt il-laqgħa fil-Mile End: ‘Tort kulħadd imbarra tiegħu’

F’laqgħa li kellha tiġi diskussa l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Robert Abela 'weħħel f’kollox u f’kulħadd, imbarra fih innifsu,' sorsi qalu lil MaltaToday

Robert Abela tefa’ l-ħtija fuq Galdes (lemin) u l-amministrazzjoni tal-partit (xellug) fost kwistjonijiet oħra għar-riżultat tal-Labour fl-elezzjoni tal-MEP. (Grafika: Marianna Calleja)
Robert Abela tefa’ l-ħtija fuq Galdes (lemin) u l-amministrazzjoni tal-partit (xellug) fost kwistjonijiet oħra għar-riżultat tal-Labour fl-elezzjoni tal-MEP. (Grafika: Marianna Calleja)

Robert Abela ta ħasla lill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Roderick Galdes waqt laqgħa li ġabret lill-grupp eżekuttiv u parlamentari Laburista t-Tnejn filgħaxija.

F’laqgħa li kellha tiġi diskussa l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Abela “weħħel f’kollox u f’kulħadd, imbarra fih innifsu,” sorsi qalu lil MaltaToday.

Din il-laqgħa konġunta seħħet it-Tnejn filgħaxija, ġewwa iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, 24 siegħa wara li r-riżultat tal-elezzjoni wera’ telf ta’ aktar minn 30,000 vot lill-Partit Laburista.

Galdes ġie mċanfar, quddiem kulħadd, minħabba l-iskandlu tal-akkomodazzjoni soċjali fis-Siġġiewi li ra l-qrati jreġġgħu lura t-tentattivi tal-ministeru biex jirreġistra 99 votant f’binja li kienet għadha qed titlesta.

Sorsi qalu li Abela furjuż akkuża lil Galdes li kien imdawwar b’“nies inkompetenti”.

L-istess sors qal li tħassar lil Galdes.

"Forsi ma kienx l-aktar ministru kompetenti iżda mhux il-Prim Ministru kien li ħatru?"

'Amministrazzjoni li ma tinħass imkien'

F’dik li kienet deskritta bħala laqgħa ta’ tensjoni, Abela sploda wkoll mal-amministrazzjoni tal-partit tiegħu talli ma kellhux kuntatt mal-membri u l-kumitati.

Kien f’dan il-mument li d-deputat mexxej għall-affarijiet tal-partit Daniel Micallef ħabbar li kien se jwarrab mill-kariga tiegħu.

Is-sorsi qalu li l-amministrazzjoni tal-partit ma kienet tidher u tinħass imkien waqt il-kampanja.

“Daniel Micallef huwa aktar interessat fix-xogħol professjonali tiegħu; Randolph de Battista naqas milli jilħaq lill-kumitati sezzjonali u Ramona Attard ftit li xejn kellha impatt,” qalu s-sorsi li żiedu li l-partit illaxka wisq.

"Aħna nemmnu li dejjem se nirbħu u dan huwa żball kbir," qalu s-sorsi.

Dwar il-grupp parlamentari tiegħu, sorsi qalu li Abela ried li l-gvern tiegħu jiffoka fuq punti ewlenin li huma xewka f’ġenb l-elettorat.

More in Politika