ADPD joħroġ il-manifest elettorali tiegħu, b'iffukar fuq l-ambjent, ġustizzja, u kwalità tal-ħajja

Il-partit ressaq ukoll l-erba’ kandidati tiegħu għal Parlament Ewropew: Ralph Cassar, Rachelle Deguara, Sandra Gauci u Mina Jack Tolu

Il-partit tal-Ħodor, l-ADPD, nieda l-manifest elettorali tiegħu għall-elezzjonijiet ta’ Ġunju li ġej, bl-islogan “Huwa fl-interess tiegħek li tagħżel l-Aħdar.”

Il-partit ressaq ukoll l-erba’ kandidati tiegħu għal Parlament Ewropew: Ralph Cassar, Rachelle Deguara, Sandra Gauci u Mina Jack Tolu.

Jindirrizzaw lill-pubbliku s-Sibt filgħodu, l-ADPD qal li huwa fl-interess tal-elettorat li jivvota b’appoġġ għal dawk li jridu bis-serjetà jindirizzaw l-emerġenza klimatika li qed jiffaċċjaw Malta, l-Unjoni Ewropea u d-dinja kollha.

“Il-politika tagħna, dik li nibnu soċjetà aktar ekoloġika, tfisser fl-aħħar mill-aħħar li niffaċċjaw inġustizzji u inugwaljanzi fis-soċjetà tagħna, anke dawk li jirriżultaw minn impatti ambjentali. In-nuqqas ta’ azzjoni llum ifisser li se jkun aktar diffiċli biex jittieħdu deċiżjonijiet ‘il quddiem,” qal l-ADPD.

Il-partit qed jiffoka fuq il-ħarsien tal-klima, enerġija nadifa u rinnovabbli għal Malta, arja nadifa, salvagwardja ta’ spazji miftuħa, biedja sostenibbli, akkomodazzjoni affordabbli, edukazzjoni ta’ kwalità u ġlieda kontra l-korruzzjoni.

 

Downloadable Files

 

'Irridu eknonomija tal-benesseri, mhux ekonomija li tħaxxen il-bwiet ta’ min qed jeqred'

Waqt konferenza stampa f’Birżebbuġa ċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party saħqet li s-sondaġġi konsistentament juru li l-elettorat hu ppreokkupat prinċipalment bit-tibdil fil-klima, apparti mill-korruzzjoni li fniet lill-pajjiż. Sandra Gauci qalet kif il-partit huwa kommess li jimbotta u jaħdem għal politika effettiva li tikkuntrasta, tirriforma u timmitiga l-bidla fil-klima.

“Irridu eknonomija tal-benesseri, mhux ekonomija li tħaxxen il-bwiet ta’ min qed jeqred, iħammeġ u jniġġes l-arja, l-ilma, l-art u l-ambjent. Irridu li min iħammeġ u jniġġes iħallas u jnaddaf mhux ikompli jmarradna. Huwa ovvju li l-pajjiż kollu hu effettwat bl-impatti tat-tibdil tal-klima li, b’esperjenza diretta nistgħu ngħidu li tfissser estremi ta’ temp (minn għargħar sa nixfa fit-tul) u temperatura medja li dejjem tiżdied. M’għandna l-ebda għażla ħlief li nieħdu azzjoni issa. Diġà qegħdin tard. Birżebbuġa hija waħda mil-lokalitajiet affettwati kemm mit-tniġġis, u anke mill-effetti tal-bidla fil-klima.”

Id-Deputat Chairperson ta’ ADPD – The Green Party Carmel Cacopardo spjega kif is-sena li għaddiet kienet l-iktar waħda bi sħana kemm ilhom jinżammu records. Il-Mediterran partikolarment huwa affettwat b’mod ħażin ħafna.

"Dan kollu għandu impatt fuq kull aspett ta’ ħajjitna. In-nixfa u t-temperaturi għolja qed iħarbtu l-biedja u konsegwenza ta’ hekk hu inevitabbli li l-prodott lokali jiskarsa u jogħla fil-prezz," hu żied jgħid.

More in Politika