Il-Ministru għas-Saħħa ħabbar d-dettalji tal-pjan li se jara madwar 120 pazjent jinħareġ mill-Isptar Monter Karmeli, u l-isptar jagħlaq il-bibien tiegħu.
Il-pjan, ta’ tliet fażi, mistenni jieħu madwar tliet snin, waqt li l-pazjenti jitmexxew fi djar fil-kommunitajiet, grazzi għal ftehim mas-settur privat.
L-ewwel grupp ta’ pazjenti li se jinħarġu se jkunu nies b’kundizzjonijiet ħfief u stabbli, u se jiġu mċaqalqa għal servizzi psikjatriċi mmexxija mill-gvern fil-komunità jew djar li huma liċenzjati għall-użu psikjatriku u mmexxija minn NGOs oħra tas-saħħa mentali. .
It-tieni fażi se tara li s-servizz psikjatriku akut jiġi rilokat fl-Isptar Mater Dei, fejn se jkun hemm sala psikjatrika li kapaċi tilqa’ madwar 30 pazjent. Is-sala psikjatrika fi ħdan Mater Dei, kienet magħluqa, biex tintuża’ bħala sala għall-pazjenti matul il-pandemija.
L-aħħar fażi se tkun l-introduzzjoni ta’ Acute Psychiatric Unit, b’investiment ta’ madwar €33 miljun.
Din se tkun faċilità avvanzata li se tkun tista’ tilqa’ 128 pazjent fl-Isptar Mater Dei.
Il-Ministru spjega li l-mudel ta’ kura li se jaddatta l-gvern issa, diġà jeżisti fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, u jara kull tip ta’ mard jiġi ttrattat fi sptar wieħed, mingħajr distinzjoni.
Żied jgħid li l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS) tinsab fi proċess avvanzat biex tapplika għall-bini ta’ dan il-unit, li mistenni jieħu madwar erba’ snin biex jitlesta.