Iċ-ċertezza fil-pubbliku espressa minn Joseph Muscat, l-Eks Prim Ministru Malti li m’għandux għal xiex jibża’ mill-inkjesta tal-Vitals hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ provi li hemm fl-inkjesta li jistgħu jindikaw b’mod ċar li ħa l-flus jew li kellu l-intenzjoni li jieħu l-flus. Dan qalu darba u darbtejn fuq il-media u l-aħħar darba fuq One radio. Il-fatt li tħalla jesprimi ruħu għall-ewwel darba fuq l-istazzjon tal-partit hija prova li ta’ fuqu fil-Partit Laburista u l-Gvern huma ċerti li m’hemmx fatti konklussivi li se jsibu lil Muscat ħati; rekwiżiti li huma kruċjali biex xi ħadd jitressaq fuq ħasil ta’ flus. L-inkjesta li diġà bdiet iddur l-idejn b’mod allarmanti u xokkanti hija bbażata fuq investigazzjoni forensika ta’ kumpanija ta’ Irlandiżi u individwu mis-Serbja.
Għalkemm minn naħa jidher li hemm indikazzjonijiet li s-sidien u s-sensara ta’ Vitals u Steward kellhom kull intenzjoni biex jagħmlu festa ta’ flus mill-proġett li Keith Schembri u Konrad Mizzi kienu ħasbu biex jiftħu kontijiet barra minn Malta, fl-istess żmien li dan il-proġett kien qed jiġi konkluż, min-naħa l-oħra m’hemmx fatt jew prova li Muscat ħa l-flus jew kellu l-intenzjoni li jieħu l-flus. Madankollu, is-sehem ta’ Schembri u Mizzi mhuwiex daqstant sabiħ u l-prosekuzzjoni tkun mistennija li tipprova li ma setax ikun li Muscat ma kienx jaf bl-aġir tal-kap tas-segretarjat tiegħu dak tal-Ministru Mizzi.
L-inkjesta għandha wkoll referenzi għal biżibilju messaġġi ta’ nies marbuta ma’ Vitals u Steward u jindikaw l-anima tagħhom, imma fl-inkjesta hemm ruxxmata suppożizzjonijiet li fil-liġi kriminali Maltija m’għandhomx is-saħħa li jista’ jkollhom f’liġijiet ta’ pajjiżi oħra. U kif ukoll fl-inkjesta, hija nieqsa minn ġudizzju ċar mill-maġistrat dwar dawn l-investigazzjonijiet. Apparti l-fatt li hija stramba kif il-pulizija ma tkellmu ma ħadd biex jaċċertaw li l-indikazzjonijiet fl-inkjesta huma minnhom jew korroborati.
Muscat, li rebaħ żewġ elezzjonijiet kbar għall-Partit Laburista u li kellu jirriżenja ħesrem fl-2019 minħabba r-rabta ċara bejn Keith Schembri u Yorgen Fenech akkużat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, qed jagħmilha ċara li se jiġġieled u jpattiha lil dawk li qed jippruvaw ikissruh. Muscat qed iwerzaq fil-pubbliku li din ripetizzjoni tal-istorja tal-Egrant. Bid-differenza li filwaqt li fl-Egrant ma nstab xejn, Muscat se jkollu jispjega l-każ tal-Accutor, meta wara li rriżenja minn Prim Ministru kien ħa xogħol ta’ konsulenza minn kumpanija li kienet qabel VGH Europe. Muscat kien irċieva €60,000 u kien iddikjarhom imma ħafna jargumentaw li dan il-ħlas sar bħala ringrazzjament għal ftehim Vitals/Steward. Muscat jinnega dan kollu. Imma n-narrattiva ma tantx qed tgħin lil Muscat.
Li huwa ċert hu li ħafna nies oħra inkluż accountants, avukati, u nies fil-finanzi li kienu msemmija fir-rapport qed jiċħdu bil-qawwa kollha li rċivew xi flus jew kellhom l-intenzjoni li jagħmlu hekk. L-inkjesta ma tipprovax dan iżda tipprova tistabbilixxi li dawn kienu mano in pasta f’konfoffa biex il-Vitals u Steward jingħataw lilhom.
Minkejja kollox, tant hemm nies imressqa li l-probabbiltà li dawn kollha kienu parti minn konfoffa hija kemxejn esaġerata.
Li huwa ċert hu li ħafna min-nies imressqa għandhom il-ħajja tagħhom ta’ taħt fuq, b’tensjoni kbira u f’każijiet minnhom ir-reputazzjoni mbenġla jew imkissra, kif ukoll irbit fuq il-finanzi tagħhom permezz ta’ attachment order fuq il-kontijiet bankarji tagħhom. Hemm uħud bħal dawk li fetħu kontijiet f’dominji barra minn Malta li għandhom għalfejn jinkwetaw. L-oħrajn iridu jistennew għat-traġitt tal-ġustizzja quddiem sistema li ddum u letarġika.