Il-Partit Nazzjonalista jrid li Robert Abela u l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa jieħdu azzjoni biex l-iskandli kollha fi ħdan Transport Malta jkunu investigati.
Il-Ħadd, il-gazzetta oħt, MaltaToday, żvelat kif tliet uffiċċjali fil-unit għall-infurzar marittimu (MAU) fi ħdan Transport Malta kienu qegħdin ibagħbsu maċ-ċitazzjonijiet marittimi.
L-ismijiet tal-uffiċċjali ma ġewx ipubblikati mill-gazzetta, iżda MaltaToday tgħid li hi taf bil-persuni eżatt.
Sors qal lil MaltaToday li impjegati ġew sfurzati jħassru ċitazzjonijiet għal numru ta’ każijiet ta’ ksur marittimu.
F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem għas-Settur Marittimu Ivan Castillo, mill-Kelliem għat-Trasport Mark Anthony Sammut u l-Kelliem għall-Intern Darren Carabott, il-PN fakkar is-sistema taċ-ċitazzjonijiet, s’issa għadha mhix waħda diġitali u għalhekk, iċ-ċitazzjoni tibqa’ għand l-Uffiċjal li ħariġha u li allura jistgħu jagħmlu lok għall-abbużi.
Il-kelliema tennew li dan it-tip ta’ skandli ilhom iseħħu għal xhur u snin sħaħ, “iżda minkejja l-evidenza, il-Pulizija qed tibqa’ tirrifjuta li tinvestiga.”
“Quddiem dan kollu, Robert Abela u Angelo Gafa qed jonqsu milli jagħmlu xogħlhom, bil-Partit Nazzjonalista jkompli jinsisti li pajjiżna għandu bżonn istituzzjonijiet li jimxu b’mod trasparenti, kif ukoll li flus il-poplu jintużaw bl-aqwa mod.”