Fix-xhieda tiegħu, il-Perit Martin Debono, qal li maġġoranza tax-xogħol tal-kodiċi tal-bini kien tlesta u li ma kinux implimentati minħabba deċiżjoni politika.
Il-Perit Martin Debono, li kien konsulent ewlieni fil-BICC, kien tneħħa mill-kariga tiegħu wara li kien ċar li ma kienx lesta xogħlu.
Infatti, il-gazzetta ILLUM tista’ tikkonferma li l-biċċa l-kbira minn dawn il-kodiċi qatt ma tlestew u Debono kien ekonomiku ħafna bil-fatti.
Fil-fatt, qatt ma seta’ jkun hemm deċiżjoni politika ġaladarba qatt ma tlestew.
Ix-xhieda ta’ Debono kkuntrastat bil-qawwi ma’ dak li xehed is-CEO tal-BCA, Jesmond Muscat li ppreżenta fl-Inkjesta Sofia dokumenti li juru li x-xogħol fuq il-kodiċi tal-bini kien għadu mhux lest.
Fil-fatt l-inkjesta stess fil-konklużjonijiet tagħha appellat biex dawn il-kodiċi jitlestew ħalli jkunu jistgħu jiġu implimentati u l-industrija tkompli ssegwi l-Kodiċi Ewropej.
Madankollu, tant il-kodiċi ma kinux lesti, illi msieħba ewlenin bħall-Kamra tal-Periti u l-Malta Development Association, kienu urew oppożizzjoni għall-verżjonijiet ta’ dak li ġie ppreżentat lilhom u esprimew tħassib dwar l-effetti tal-implimentazzjoni tagħhom.
Minn stħarriġ ta’ din il-gazzetta ġie kkonfermat illi minn seba’ oqsma tal-kodiċi, waħda biss kważi tlestiet fuq medda ta’ snin.
Il-kodiċi tal-istandards jikkonċernaw:
-
L-iskavar
-
Nirien u prodotti tossiċi
-
Ambjent, iġene u saħħa
-
Aċċess
-
Storbju
-
Enerġija
-
Sostennibbiltà
L-eżerċizzju li kellu jsir, bl-esperti diġà appuntati, kien se jiswa mijiet ta’ eluf ta’ flus.
Iżda dokumentazzjoni u korrispondenza turi li Debono kien naqas milli jimplimenta l-proċess biex isiru dawn il-kodiċi minkejja pressjoni biex dawn jitlestew.
Il-kuntratt ta’ konsulenza ta’ Martin Debono ma kienx ġie estiż mill-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi.
AQRA AKTAR: Malta Enterprise tgħid li ġiet imqarrqa bl-iżvilupp ta' Kordin