Malta Enterprise tgħid li ġiet imqarrqa bl-iżvilupp ta' Kordin

Fi stqarrija l-Kumitat tal-Investiment fi ħdan Malta Enterprise jgħid li approva biss workshop ta’ 300 m2 fuq sular wieħed u mhux fabbrika ta' ħames sulari

Il-Kumitat tal-Investiment tal-Malta Enterprise, l-entità inkarigata li tivvaluta u tassisti proposti ta’ espansjoni minn negozji żgħar, qal li ġie mqarraq mill-management tal-Malta Enterprise, u saħaq li hija qatt ma kienet approvat fabbrika ta’ ħames sulari iżda approvat biss workshop ta’ sular wieħed.

"Il-Kumitat tal-Investiment approva biss workshop ta’ sular wieħed - mhux fabbrika ta' ħames sulari kif kien iddikjarat b'mod żbaljat fil-konklużjonijiet tal-inkjesta," qalu l-membri tal-kumitat fi stqarrija.

"Qatt ma saret referenza għal rekord kriminali u qatt ma ġiet immarkata ebda kwistjoni ta' tħassib, tkun xi tkun in-natura."

L-istqarrija tgħid li l-ispazju industrijali nnifsu kien se jingħata minn Indis, li hija responsabbli għall-oqsma industrijali u l-allokazzjoni ta’ art pubblika għall-użu industrijali. “Minħabba n-nuqqas ta’ spazju industrijali, il-perjodu ta' stennija bejn l-approvazzjoni u sakemm tingħata l-art huwa perjodu twil.”

David Xuereb (xellug) u Peter Borg (lemin)
David Xuereb (xellug) u Peter Borg (lemin)

Tliet membri tal-kumitat irriżenjaw il-ġimgħa li għaddiet, iċ-chairperson Peter Borg u l-membri Victor Carachi u Paul Abela. Dan wara l-inkjesta kkonkludiet li dawn qatt ma kellhom japprovaw il-proposta ta’ żewġ żviluppaturi biex tinbena fabbrika tal-għamara fuq art tal-gvern f’Kordin.

Ħames persuni, fosthom iż-żewġ żviluppaturi tagħha Kurt Buhagiar u Matthew Schembri, qed jaffaċċjaw akkużi kriminali ta’ omiċidju involontarju b’rabta ma’ dak l-inċident.

Victor Carachi
Victor Carachi

Fuq il-programm tar-radju RTK103 is-Sibt, Carachi jgħid li ħadd mill-Kumitat ma kien mistieden jixhed fl-inkjesta. 

Fl-istqarrija jingħad li l-kumitat approva “workshop ta’ 300 m2 fuq sular wieħed u xejn aktar” b’baġit ta’ 262,500. 

“L-ebda membru mill-Kumitat ma’ ssejjaħ biex jixhed fl-Inkjesta u ingħata l-opportunità biex jikklarifika l-iżbalji,” tgħid l-istqarija. 

Il-Kumitat qal li “Minħabba f’hekk, ġejna ċċensurati mill-Bord talli konna mmaniġġajna dan il-każ b’mod “superfiċjali.”

More in Socjali