Il-laqgħa bejn il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech kienet laqgħa tajba u kordjali skont kelliem għoli tal-Partit Laburista imma ma kien hemm l-ebda eżitu jew konklużjoni. Inkredibbilment din kienet l-ewwel laqgħa bejn iż-żewġ mexxejja politiċi.
Abela qed juri biċ-ċar li l-isem u l-persuna favorita tiegħu hija Helena Dalli li bħalissa tokkupa l-kariga ta’ Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza. Dalli hija kkunsidrata bħala feminista, liberali u progressiva.
Għalkemm hija persuna b’esperjenza twila fil-politika ma kinitx ikkunsidrata stilla fl-Ewropa bħala kummissarju. Iżda lokalment Dalli tista’ tkun il-President li tiftaħ it-tieqa għal riformi soċjali kbar bħall-abort.
Bernard Grech min-naħa tiegħu mhux qed jindika l-preferenzi tiegħu għalkemm jidher li jista’ jkun li jipproponi lill-Eks Kummissarju Ewropew Joe Borg, li huwa persuna pjuttost newtrali u rrispettat.
Abela għandu wkoll ismijiet oħra li jinkludi lil Michael Falzon, il-Ministru għall-Politika Soċjali, l-iktar membru anzjan fil-kabinett. Falzon huwa persuna b’qalb soċjali u ċertament mhux polemikuż ma’ Abela bħalma kien George Vella.
Isem ieħor li qed jiġi kkunsidrat minn Abela huwa Michael Farrugia li kien l-uniku membru fil-kabinett ta’ Joseph Muscat li appoġġja lil Abela bil-ġlieda għall-mexxej tal-Partit Nazzjonalista. Iżda wara li kien appoġġja lil Abela, Farrugia kien twarrab minn Abela stess.
L-inkontru li jmiss bejn Abela u Grech huwa mistenni li jerġa’ jsir u ġaladarba ma jintlaħaqx ftehim bejn iż-żewġ mexxejja jaf ikun hemm kriżi ta’ vera għax l-għażla tal-President issa trid isseħħ biss bi ftehim reċiproku bejn iż-żewġ partiti, u mhux b’maġġoranza sempliċi bħalma kienet qabel.
Mhux magħruf x’tattika se juża Bernard Grech, imma din hija waħda mill-ftit opportunitajiet u okkażjonijiet fejn hu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista jista’ japplika l-veto tiegħu u jingħata l-parir li juri snienu.
Apparti Joe Borg, Grech jista’ jressaq ismijiet oħra fosthom ta’ Louis Galea u Lawrence Gonzi. Imma dawn iż-żewġ eks politiċi żgur iħallu lil Robert Abela bi wġigħ ta’ żaqq kbira mal-Laburisti kollha li jiftakru lil Louis Galea bħala l-bidwi part-time tas-Siġġiewi u Gonzi bħala l-Prim Ministru ta’ kontra l-Laburisti.