Numru ta' attivisti favur l-għażla nġabru quddiem il-Parlament Ewropew il-Ħamis filgħodu, fi protesta kontra l-liġi "inġusta," u l-istigma li din iġġib magħha.
Fost l-attivisti tal-Moviment Graffitti, Tobba favur l-Għażla, MGRM u Women's Rights Foundation, kien hemm ukoll numru ta' MEPs inkluż l-uċuh familjari tal-ewroparlamentari Cyrus Engerer u l-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Randolph Debattista.
"Malta għad għandha l-aktar liġijiet inumani dwar l-abort fl-Unjoni Ewropea, minkejja li ġiet imwiegħda riforma li fl-aħħar mill-aħħar ħalliet is-sitwazzjoni għas-saħħa tan-nisa aktar iddisprata minn qabel,” l-attivisti qalu f'diskorsi.
Huma fakkru li f'Malta kulħadd jaf persuna waħda li xi darba għamlet użu mill-pillolla abortiva ġewwa darha, jew li għamlu forma oħra ta' abort.
Saħqu li pilloli abortivi (mifepristone u misoprostol) huma suguri u għalhekk jinsabu fuq il-lista ta’ mediċini essenzjali tal-WHO.
Iżommu drapp bil-kitba "Kulħadd iħobb lil xi ħadd li għamel abort," l-attivisti qalu għalkemm l-abort huwa dekriminalizzat ma jfissirx li ma jseħħx, u wasal iż-żmien li Malta taċċetta li l-abort f’Malta huwa komuni.
L-attivisti spjegaw lill-MEPs preżenti li l-Gvern f’Malta qed jagħtu dahrom lid-drittijiet tal-bniedem u awtomatikament lid-drittijiet tan-nisa. Huma appellaw għall-appoġġ filwaqt li tennew li se jibqgħu jiġġieldu sakemm in-nisa f'Malta "ma jibqgħux trattati bħala ċittadini tat-tieni klassi."