600 familja saru sidien ta’ darhom fi tliet snin bl-iskemi tal-Awtorità tad-Djar

Fl-ewwel tliet snin mit-twaqqif tal-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, kien hemm kważi 600 familja li saru sidien ta’ djarhom grazzi għal skemi tal-Awtorità tad-Djar

Fl-ewwel tliet snin mit-twaqqif tal-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, kien hemm kważi 600 familja li saru sidien ta’ djarhom grazzi għal skemi tal-Awtorità tad-Djar. Dan ifisser medja ta’ familja vulnerabbli kull jumejn. 

Fil-fatt, ta’ min wieħed jinnota li huwa aktar probabbli li familja Maltija bi dħul baxx, hija sid tal-propjetà li tgħix fiha milli hu probabbli li familja bi dħul medju Ġermaniża tkun sid ta’ darha. L-istess meta wieħed iħares lejn familja ta’ dħul medju fi Franza, l-Olanda u l-Awstrija.  

B’xhieda ta’ dan huma n-numri ta’ benefiċjarji tal-iskemi mħaddma mill-Awtorità tad-Djar. Pereżempju, bejn l-2020 u l-2023 kien hemm 256 familja li gawdiet mill-iskema tad-depożitu. Taħt din l-iskema, jibbenefikaw persuni li jkollhom anqas minn 39 sena li jkunu f’pożizzjoni li jidħlu għal self mal-banek imma li ma jkollhomx imfaddla l-ammont tad-depożitu. Din l-iskema tippermetti lil persuni jidħlu għal self għal propjetajiet li jiswew sa €225,000.  

Fl-istess perjodu kien hemm 245 familja li bbenefikat mill-Equity Sharing Scheme. Din l-iskema inizjalment kienet intiża, fost oħrajn, għal persuni li jisseparaw u li minkejja li jkollhom ammont ta’ assi minħabba l-età tagħhom isibuha diffiċli jaċċessaw self mill-bank. Iżda din l-iskema ġiet estiża wkoll għal dawk li għandhom 30 sena jew aktar, biex aktar persuni jsiru sidien ta’ djarhom. Dan anke abbażi tal-esperjenzi li n-nies ikunu qasmu mal-Awtorità. Permezz ta’ din l-iskema, il-Gvern qed jidħol bħal sieħeb fix-xiri tal-propjetà u jieħu titlu sa massimu ta’ 50% fuq propjetajiet sa valur ta’ €250,000. 

Finalment, kien hemm 97 familja li ħadu dak li hu magħruf bħala self soċjali. B’din l-iskema, familji bi dħul baxx ikunu jistgħu jaċċessaw self hekk kif l-Awtorità tissussidja sa massimu ta’ €167 fix-xahar bħala għotja fuq il-pagament tas-self u fejn applikabbli tkopri wkoll id-depożitu relatat max-xiri tal-propjetà filwaqt li tassisti bis-servizzi tan-nutar. 

Studju tal-Bank Ċentrali ta’ Malta jindika wkoll li fost l-20% bl-inqas dħul, sitta minn għaxra huma sidien ta’ djarhom. Bir-rata ta’ home-ownership f’pajjiżna fost familji bi dħul relattivament baxx tilħaq il-medja għall-familji madwar iż-żona ewro, kif indikat mill-Bank Ċentrali Ewropew, bħala 60%. 

More in Politika