Tiġi estiża għal sena oħra l-għajnuna finanzjarja fuq ix-xiri ta’ fjuwil għall-bastimenti tas-sajd

Waqt il-konferenza l-Ministru Refalo spjega kif l-inizjattivà ta’ din is-sena se jkollha żieda ta’ 30% fuq l-istess inizjattivà tas-sena l-oħra

Waqt konferenza tal-aħbarijiet Il-Ministru responsabbli għas-sajd Anton Refalo u s-Segretarju Parlamentari għas-sajd Alicia Bugeja Said ħabbru li se tiġi estiża l-għajnuna finanzjarja fuq ix-xiri ta’ fjuwil għall-bastimenti tas-sajd.

Waqt il-konferenza ġie żvelat li l-Gvern qed jerġa’ jinvesti €1 miljun, sabiex kull sajjied Malti u Għawdxi full-time rreġistrat mad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura jibbenefika minn ammont massimu ta’ €100,000, liema ċifra tirrapreżenta żieda ta’ aktar minn 30% fuq l-ammont massimu li ngħata s-sena li għaddiet.

Il-Ministru Anton Refalo fakkar iż-żieda fl-iskema għal miljun ewro u saħaq li sa tmiem is-sena 2024, is-sajjieda ser ikunu bbenefikaw minn total ta’ kważi €3 miljun sa mill-bidu ta’ din l-iskema, li kienet bdiet fis-sena 2022.”

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qalet li din l-iskema qed tibbenifika lill-konsumatur ukoll minħabba li iktar familji qed jitħajjru jixtru ħut frisk u lokali.

Il-perjodu ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna għas-sajjieda se jkun miftuħ bejn il-5 u d-9 ta’ Frar 2024. Kull applikazzjoni għandha tintbgħat bil-posta u fl-indirizz tal-Front Office tad-Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura, kif ukoll fl-Uffiċini tal-Ħatt tal-Ħut (Malta u Għawdex) jew fl-Uffiċċju tal-Uffiċjali tas-Sigurtà fl-Għammieri, il-Marsa.

L-applikanti li jixtiequ jniżżlu kopja tal-formola, jistgħu jagħmlu dan billi jikkuntattjaw il-Projects Unit fi ħdan id-Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura.

Għal aktar mistoqsijiet, wieħed jista’ jagħmel kuntatt mal-uffiċċju inkarigat mill-fondi tad-Dipartiment fuq 22926812 / 22926819, jew jibgħat ittra elettronika fuq [email protected].

More in Politika