Operaturi żgħar tal-Y plates ser jingħataw nifs biex joperaw

Il-Gvern biħsiebu jbiddel ir-regolamenti li nieda dwar il-Y plates wara li bosta operaturi bona fede lmentaw mal-Gvern fuq l-anarkija fis-settur tat-taxis fost oħrajn

Il-Gvern biħsiebu jbiddel ir-regolamenti li nieda dwar il-Y plates biex ma jiddiskriminax kontra self-employed żgħar li għandhom xi karozza jew tnejn. Bit-tir biex jiġu mrażżna dawk il-persuni li għandhom ħafna karozzi Y plates u qed jimpjegaw bl-addoċċ numru mdaqqas ta’ barranin fosthom Indjani, Nepaliżi u mill-Bangladesh, il-Gvern qed jenforza regolamenti li kumpanija jew persuna li għandu karozzi tal-Y-Plates irid iżomm il-karozzi ġo garaxx kummerċjali li huwa rreġistrat. 

Dan l-obbligu wassal biex ħafna operaturi żgħar Maltin jipprotestaw li dak li qed jiġi mitlub minnhom huwa impossibbli. 

Il-mira tal-Gvern skont sors għoli fil-Gvern: “Huwa kontra dawn il-cowboys inkluż xi operaturi barranin li qed jabbużaw minn dawn il-barranin u qed jagħmlu balla flus ... aħna ma rridux li dan ikompli. Qed nitkellmu fuq min għandu mitt karozza jew iktar minn tliet karozzi.” 

Kompla jgħid li “dan ma jfissirx li ma rridux operaturi żgħar ikomplu.” 

Fl-aħħar xhur bosta operaturi bona fede lmentaw mal-Gvern fuq l-anarkija fis-settur tat-taxis. Ilmentaw ukoll fuq l-abbuż sfrenat ta’ xi operaturi b’mod specjali operatur Libjan li għandu status ta’ refuġjat u jgħix ħajja ta’ papa u għandu flotta enormi. 

Ma rridux ninsew ukoll il-problema li l-karozzi Y plates qed jitħallew kullimkien fit-toroq, fl-għelieqi u f’żoni mitluqin. 

Il-Gvern ukoll min-naħa tiegħu qed jipprova jara kif inaqqas in-numru ta’ karozzi fit-toroq u l-isplużjoni tal-Y plates hija waħda mill-miri tal-Gvern biex iseħħ dan. 

 

More in Politika