Metsola b’diskors ‘kawt’ li jindirizza l-isfidi li qed jaffaċja kullħadd

Waqt l-analiżi tagħhom, kemm il-ġurnalist veteran James Debono u kemm id-Dekan tal-Fakultà għall-Ħarsien tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta, Andrew Azzopardi nnutaw diskors favur l-Unjoni Ewropea 

Kien diskors kawt u favur l-Unjoni Ewropea. B’dan il-mod ġie deskritt id-diskors tal-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista lejliet Jum l-Indipendenza.  

Wara dan id-diskors, din il-gazzetta staqsiet lill- ġurnalist veteran James Debono u lid-Dekan tal-Fakultà għall-Ħarsien tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta, Andrew Azzopardi dwar il-messaġġ wara d-diskors ta’ Metsola. 

Fl-analiżi tiegħu, Andrew Azzopardi ddeskriva d-diskors ta’ Metsola bħala wieħed kawt, li jfaħħar l-Unjoni Ewropea, għaliex wara kollox hija l-President tal-Parlament Ewropew. Huwa saħaq li l-messaġġ tagħha kien favur il-ħidma tal-Unjoni Ewropea u għandha l-għan li toħroġ b’saħħitha għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li ġejja f’Ġunju li ġej.  

Min-naħa tiegħu, Debono wkoll saħaq li Metsola kellha mesaġġ favur l-Unjoni Ewropea, hekk kif tefgħet emfasi fuq “buzz words” bħal “eċċellenza” u “medjokrità li qed tnawwar is-soċjetà”. Dawn it-temi , jgħid Debono, jappellaw kemm għal min hu liberali u jixtieq jgħix f’pajjiż modern u aktar Ewropew, u anke għal min hu konservativ u jinsab irrabjat li l-pajjiż qabad it-triq tan-nizla.  

Huwa kompla jgħid li għalkemm kien wieħed vag, jgħaqqad u jħares lejn il-futur. Kemm Debono kif ukoll Azzopardi qablu li d-diskors ta’ Metsola kien wieħed li għamel emfasi fuq il-futur, mhux biss ta’ pajjiżna iżda ukoll tal-Unjoni Ewropea.  

Fl-analiżi tiegħu, James Debono nnota li għalkemm jidher li Metsola għadha mhux kompletament komda f’atmosfera ta’ mass meeting, speċjalment fil-kmand tal-lingwa Maltija, jidher li għandha idea ċara tal-udjenzi li trid tigbed; il-faxxa tan-nofs u dawk li llum qed jgħidu li mhux se jivvutaw. Debono qal ukoll li hija ffukata fuq l-aspirazzjonijiet taghhom, kemm f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwalita tal-ħajja, imma wkoll bħala finanzi. 

Debono nnota ukoll li d-diskors ftit jagħti idea dwar it-twemmin u l-principji ta’ Metsola, imma kien wieħed li jħalli lill-udjenzi differenti, jimmaginaw lill-Metsola bħala l-favorita tagħhom. 

Andrew Azzopardi ddeskriva lil Metsola bħala bniedma prudenti, li l-għan tagħha mhuwiex li tintilef tipprova tisraq is-siġġu tal-avversarji tagħha iżda li taħdem u tistinka u tħalli l-opportunitajiet jiġu weħidhom. Mistoqsi jekk Roberta Metsola tixtieqx tieħu post Bernard Grech, kif bosta qed jispekulaw, Azzopardi qal li ma jemminx li Metsola għandha dawn l-intenzjonijiet u tenn jgħid li “Roberta Metsola wriet li hi kapaċi taħdem f’ambjent li jrid jaħdem,” u li jekk l-opportunità tasal, hija tiżen kollox u tiddeċiedi minn hemm.  

Filfatt, huwa qal li Metsola ma ppruvatx tieħu l-attenzjoni minn Bernard Grech waqt l-avveniment, u stqarr li bħala persuna għandha għerf profond fuq l-Unjoni Ewropea u għalhekk wieħed għandu jikkunsidra li l-futur ta’ Metsola mhux eskluż li jispiċċa fit-tmun tat-tmexxija tal-Partit Nazzjoanlista, iżda dejjem tibqa’ possibiltà. 

Mill-banda l-oħra James Debono qal li ħafna qed jarawha bħala l-mexxeja tal-futur tal-Partit Nazzjonalista, tant li n-nies tkellmu fuq id-diskors tagħha, mhux ta Grech. 

Debono qal, “Jidher ukoll li Metsola, li hi maħbuba minn għaqdiet bħal Repubblika, m’għandiex għalfejn tgħid li hi kontra l-korruzzjoni, tant li semmiet din it-tema darba biss.” 

Huwa żied jgħid li waqt li Adrian Delia kien kontinwament ikkritikat li ma kienx jitkellem biżżejjed fuq il-korruzzjoni, Metsola għandha l-vantaġġ li tista’ tiffoka fuq il-futur mingħajr ma’ taffaċja din il-kritika. Għalhekk, Metsola tħares il-quddiem flok tirrepetti affarijiet li n-nies digà jafu.  

Similarjament bħal dak li qal Azzopardi, Debono saħaq li Metsola evitat diskors diviżiv fuq l-immigrazzjoni u ffukkat fuq nuqqas ta’ pjanar fil-ġbir taż-żibel, fl-ambjent  u t-toroq. Debono jkompli jgħid li, “jinħass ukoll emfasi fuq l-ekonomija li kienet nieqsa fl-aħħar snin fil-Partit Nazzjonalista, u ammirazzjoni għal min jagħmel il-flus u jkattar l-impjiegi.  

Finalment Debono kkonkluda li d-diskors kien wieħed “safe, mingħajr riskji żejda, imma li joffri narrattiva ta’ tama għal futur. Il-mistoqsija hija; Metsola lesta tkun il-wicc ta’ dan il-progett ta’ bidla jew se tispiċċa tiddiżapunta iktar lil dawn li bdew jaraw raġġ ta’ tama?” 

More in Politika