Diriġent ewlieni Laburista jisħaq għal aktar awtonomija għall-Kunsilli Lokali

F’kummenti mal-ILLUM, Mario Fava, li huwa wkoll kunsillier Laburista fil-Fgura, innota li l-Kunsilli Lokali jeħtieġu aktar awtonomija f’ċertu oqsma li għandhom x’jaqsmu mal-lokalità tagħhom 

Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u membru ta’ l-eżekuttiv Laburista, Mario Fava stqarr ma’ din il-gazzetta li l-Kunsilli Lokali għandhom ikollhom aktar awtonomija f’numru ta’ oqsma differenti. Dan intqal fid-dawl ta’ kritika minn diversi sindki u kunsilliera ta’ kull lewn politiku, li qed jistqarru li l-Kunsilli Lokali m’għadx għandhom il-poteri li kellhom, u għalhekk hemm ftit li jistgħu jagħmlu dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-lokalitajiet tagħhom.  U dan wara l-kriżijiet kbar li qed jaffaċċjaw bosta kunsilli. 

F’kummenti mal-ILLUM, Fava, li huwa wkoll kunsillier Laburista fi ħdan il-Kunsill Lokali tal-Fgura, tkellem dwar numru ta’ kwistjonijiet kurrenti li jinvolvu l-Kunsilli Lokali, fosthom l-iskart u l-ġbir tiegħu.  

Hawn, Fava stqarr li d-deċiżjoni li l-iskeda ta’ ġbir ta’ skart ma tibqax f’idejn il-Kunsilli Lokali kienet deċiżjoni diskussa anke mal-Kummissjoni Ewropea, u stqarr li l-Kunsilli Lokali xorta waħda għandhom sehem attiv f’ċertu aspetti minn din ir-responsabbilit​​à. 

Min-naħa l-oħra, huwa stqarr li rigward l-awtonomija tal-Kunsilli Lokali, “għadna lura,” fejn fost l-oħrajn semma l-awtonomija finanzjarja u dik amministrattiva bħala punti li jistgħu jittejjbu. 

Fava ħa l-eżempju riċenti ta’ l-aħbar li l-Kunsilli Lokali issa se jkollhom aċċess għal informazzjoni dwar appartamenti li jkunu mikrija għal żmien qasir, biex jekk ikun hemm xi problemi b’rabta ma’ skart li ma jkunx inħareġ kif suppost, il-Kunsill ikun jista’ jieħu passi kontra dawk risponsabbli. Din ilha tintalab għal żmien twil mill-Kunsilli Lokali, fosthom mis-Sindku tas-Swieqi Noel Muscat, li kien tkellem ma’ din il-gazzetta proprju fuq il-ħtieġa ta’ din l-informazzjoni. 

Fava stqarr li bħala eżempju, il-Kunsilli Lokali għandhom ikunu inkarigati mill-amministrazzjoni tal-Bereġ tas-Saħħa. Fuq dan il-punt, Fava nnota li l-Gvern għandu jaħseb fit-tul u b’koordinament bejn l-aġenziji relattivi u anke “sinerġija bejn il-Ministeri.”  

Min-naħa l-oħra, l-ILLUM tkellmet ukoll dwar in-nuqqas ta’ awtonomija għall-Kunsilli Lokali ma’ Dr Mario Thomas Vassallo, lettur fi ħdan l-Università ta’ Malta fejn jgħallem il-politika fost suġġetti oħra. 

Vassallo stqarr li huwa għandu twemmin b’saħħtu li l-Kunsilli Lokali huma “it-tarka tal-identità tal-lokalitajiet tagħna.” Fost il-benefiċċji li l-Kunsilli Lokali joffru, innota kif hemm il-fatt li dawn huma ferm aktar viċin u aċċessibbli għan-nies, filwaqt li jifhmu l-ħtiġijiet tal-lokalità tagħhom ferm aħjar minn entitajiet governattivi ċentrali. 

Minkejja dan, Vassallo stqarr li 30 sena ilu meta twieldu l-Kunsilli Lokali, dawn twieldu u dejjem għexu ħajjithom “b’idejhom marbutin,” iżda skontu, “mill-2013 ‘il quddiem komplew jittieħdu l-poteri tagħhom.”  

Fil-fatt, innota li fl-aħħar Strateġija Nazzjonali għall-Gvernijiet Lokali li ġiet ippubblikata f’Mejju li għadda mill-Gvern, il-kliem awtonomija, deċentralizzazzjoni u sussidjarjetà ma jissemmewx darba f’dokument ta’ erbgħin paġna. 

Hawn Vassallo semma numru ta’ effetti negattivi ta’ dan it-tnaqqis fl-awtonomija tal-Kunsilli Lokali. 

L-ewwel effett li l-Maltin u l-Għawdxin jistgħu jaraw quddiem għajnejhom inqas minn sena oħra, hija d-diżinteress fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, li flimkien mad-diżinteress mill-elettorat li kienet evidenti fl-aħħar elezzjoni ġenerali, tista’ twassal għal ħafna inqas nies joħorġu jivvutaw. 

Dan id-diżinteress, skont Vassallo huwa loġiku, hekk kif meta wieħed jara li l-Kunsilli Lokali ma jistgħux jgħinu lir-residenti minħabba li m’għandhomx awtonomija fuq ċertu oqsma, wieħed ma jarax il-punt li joħroġ u jeleġġi r-rappreżentanti tiegħu fil-lokalità. Min-naħa l-oħra, Vassallo stqarr li dan it-tnaqqis fil-votanti jista’ jwassal għal nixfa fil-kandidati ta’ kwalità għal dawn l-elezzjonijiet, u b’hekk il-partiti jkollhom uġigħ ta’ ras meta ma jsibux nies biex joħorġu għal dawn l-elezzjonijiet. 

Fl-aħħar mill-aħħar, Vassallo sttqarr li mingħajr il-Kunsilli Lokali, il-kultura ta’ kull lokalità tkun mhedda u tista’ tiġi meqruda, u bl-istess mod ikunu f’riskju li jinqerdu l-identitajiet tal-bliet u rħula Maltin u Għawdxin. 

More in Politika