Il-Kummissarju tal-Istandards m’huhiex denju tal-pożizzjoni tiegħu, qal il-Partit Nazzjonalista f’stqarrija maħruġa is-Sibt 9 ta’ Settembru. Dan wara li ma talabx għax-xhieda ta’ Yorgen Fenech, “għax l-avukat tiegħu kien se jtih parir ma jitkellimx.”
Il-PN qed jallega li l-Kummissarju “naqas milli jinvestiga diversi punti dwar id-dikjarazzjonijiet li għamel l-eks Segretarju Parlamentari Michael Farrugia dwar il-laqgħa li kellu ma’ Yorgen Fenech.” Din saret l-istess ġurnata li bagħat ittra lill-Awtorita tal-Ippjanar sabiex l-Imrieħel jiġi inkluż fil-policy dwar bini għoli.
Skont il- PN, il-Kummissarju qagħad fuq dak li qal Michael Farrugia, li saħaq li f’dik il-laqgħa ma kinitx diskussa l-politika fuq binjiet high rise. Kawża t’hekk, ma talabx għax-xhieda ta’ Fenech.
Il-Kummissarju wieġeb li dan minħabba li l-avukat ta’ Fenech kien se jtih parir biex ma jitkellimx minħabba l-proċeduri kriminali pendent fil-konfront tiegħu.
Fix-xhieda ta’ Johann Buttigieg, li kien ukoll preżenti fil-laqgħa, intqal li kien hemm numru ta’ persuni oħra preżenti, fosthom periti ta’ Fenech, kif ukoll is-segretarja ta’ Farrugia, iżda l-Kummissarji stqarr li ma ħassx il-bżonn li jkellimhom. Lanqas ma ħass il-bżonn li jivverifika jekk ix-xhieda ta’ Buttigieg fejn qal li dawn it-tip ta’ laqgħat saru ma’ diversi operaturi interessati fir-reklamazzjoni tal-art kinitx veritiera.
Stqarr ukoll li ma ħassx il-bżonn li jitlob kopja tal-minuti li setgħet ħadet is-segretarja.
Finalment, il-Kummissarju wieġeb li ma vverifikax il-ħin li fiha ntbagħtet l-ittra lill-Bord tal-Awtorita’ tal-Ippjanar, u jekk dan kienx wara l-laqgħa ma Fenech.
L-Oppożizzjoni saħqet li kellha raġun meta vvutat kontra l-għażla ta’ Joseph Azzopardi għall-kariga ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
“Għandna Kummissarju għall-Istandards li jew jaħsel idu u jagħżel li ma jinvestigax, jew taparsi jinvestiga mingħajr ma jidħol fid-dettall kif inhu obbligat bil-ligi li jagħmel,” temmet tgħid.
Minn naħa l-oħra, il-Partit Laburista akkuża lill-Oppożizzjoni li qed issabbat saqajha sempliċiment għal l-istituzzjonijiet mhux qed jaqblu magħha.