L-MRN jitolbu lil Robert Abela jassigura l-bajja ta' Marsaskala b'mod aktar permanenti

F'ittra, huma jitolbuh jibda l-proċess sabiex il-bajja ma tibqax identifikata bħala żona fejn tista' ssir yacht marina

Il-Marsaskala Residents Network (MRN) bagħat ittra lill-Prim Ministru Robert Abela, sabiex tkun assigurata l-bajja tal-lokalità minn kwalunkwe żvilupp ta’ yacht marina fil-futur.

Huma għamlu referenza għas-sentenza mill-Qorti tal-Appell fl-1 t’Awwissu li għadda, fejn ġie rrifjutat żvilupp fil-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien fil-Qala, Għawdex. Wara d-deċiżjoni, Abela kien wiegħed li se jitniehed proċess ta’ tibdiliet legali sabiex jassigura li kull tip ta’ żvilupp fiż-żona ma jseħħx. B’hekk, huma talbu li jsir l-istess f’Marsaskala, billi jibda proċess sabiex il-bajja ma tibqax identifikata bħala post fejn hu possibbli li ssir yacht marina.

Dan wara li stħarriġ minn Transport Malta lura fl-2021, sabiex isiru sottomissjonijiet għal żvilupp ta’ yacht marina fiż-żona, qajjem furur fost ir-residenti. Magħhom ingħaqdu ukoll bosta għaqdiet non-governattivi, fosthom Moviment Graffiti.

Fl-ittra, l-MRN isemmu’ uħud mir-raġunijiet għalfejn qamet din l-oppożizzjoni kontra l-proġett. Il-Magħluq, sit Natura 2000 li jospita żewġ tipi t’abitati protettit kif ukoll speċi protetti jew qrib l-estinsjoni bħall-bużaqq, kien se jkollu l-kwalita’ tal-ilma kompromessa. Dan kien se jwassal ukoll għall-qerda tal-mergħat ta’ posidonia oceanica li hemm fil-bajja, li wkoll huwa abitat protett, żiedu l-MRN.

Barra minn hekk, il-proġett kien ta’ theddida għall-attivitajiet ekonomiċi fiż-żona, partikolarment dawk relatati mas-sajd u t-turiżmu kostali. Kienet mhedda wkoll il-ħajja soċjali tal-Iskalin, li “ħafna mill-attivitajiet personali, soċjali, sportivi u kulturali tagħhom iseħħu fil-bajja u l-promenade ta’ madwar.

L-MRN fakkar kif fit-23 ta’ Frar tal-2022, qabel l-elezzjoni, Abela kien ħabbar il-waqfien tal-proċess tal-marina b’mod permanenti, u wiegħed li dan l-iżvilupp kien qed ikun eskluż b’mod kategoriku., aħbar li ġiet milqugħa tajjeb ferm mir-residenti.

Issa, qiegħdin jitilbu li din il-wegħda tiġi ssiġillata b’mod aktar permanenti.

More in Politika