Il-PN 'inkwetat' li d-dejn ta' Malta qed jiżdied b'medja ta' €2 miljun kuljum

Jinsistu li, “l-Gvern għandu jelimina t-taxxa tal-korruzzjoni u jara li l-finanzi pubbliċi jibqgħu sostenibbli"

Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista, il-kelliem għall-finanzi Jerome Caruana Cilia kkwota ċifri maħruġin mill Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatisika, li juru żieda ta’ €756.8 miljun bejn Ġunju tal-2022 u tal-2023.

Dan juri żieda medja ta’ żewġ miljun ewro kuljum tul dan il-perjodu.

Hu żied li l-interessi li Malta qed tħallas fuq dan id-dejn jammontaw għal madwar €3.85 miljun kull ġimgħa.

Dan id-dejn kien jammota għal €5,700 miljun sal-aħħar tal-2019. Illum jammonta għal madwar €9,000 miljun. B’hekk, ġie spjegat li aktar minn terz tad-dejn li għandha Malta sar waqt it-terminu ta’ Robert Abela bħala Prim Ministru.

F’isem il-Partit Nazzjonalista, Caruana Cilia kkumenta li, “l-Gvern għandu jelimina t-taxxa tal-korruzzjoni u jara li l-finanzi pubbliċi jibqgħu sostenibbli, partikolarment fid-dawl taż-żieda fir-rata tal-interessi.”

Il-Partit Nazzjonalista stqarr li hu inkwetat, u insista li, “dan id-dejn kollu hu mażżra m’uliedna u ulied uliedna. Ħasra li l-flus tal-poplu qed jibqgħu jitberbqu bl-addoċċ u li l-kultura tal-“ma jimpurtanix, kulħadd qed jitħanżer” qed titħallas minn flus il-poplu. Hu anke għalhekk li, minbarra li hu etiku u moralment ġust, Robert Abela u sħabu għandhom jaraw li dak li nsteraq minn pajjiżna jiġi lura.”

More in Politika