‘Ekonomija mibnija fuq it-tafal’ - eks politiku Laburist skjett dwar l-effetti tal-mudell ekonomiku preżenti

Sikwit nisimgħu dwar il-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna u l-effetti tiegħu, minn kostruzzjoni kostanti sa infrastruttura li ma tlaħħaqx mal-popolazzjoni. Jidher li dawn il-problemi qed jolqtu lil kulħadd, hekk kif eks politiku Laburist li ħadem mill-viċin f’amministrazzjoni Laburista tkellem ma’ din il-gazzetta fejn iddeskriva s-sitwazzjoni preżenti fil-pajjiż bħala waħda inkwetanti ferm 

“Ir-ruħ soċjali spiċċat.” Kien b’dan il-mod skjett li eks politiku Laburista li xtaq jibqa’ anonimu ddeskriva s-sitwazzjoni f’pajjiżna marbuta mal-influss qawwi tal-ħaddiema barranin, li qed jgħixu f’kundizzjonijiet ħżiena. 

L-eks politiku tkellem ma’ din il-gazzetta wara artiklu li nħareġ ftit ġimgħat ilu, fejn ingħatat ħarsa lejn uħud mir-residenzi li qed jinkrew mill-ħaddiema barranin. Hawn, l-ILLUM żvelat li f’Malta hawn numru ta’ residenzi fejn jgħixu bosta ħaddiema barranin flimkien f’kundizzjonijiet tal-biżà, fejn mhix okkażjoni rari li seba’ persuni jew aktar jaqsmu l-istess kċina u kamra tal-banju.  

Wara li ġie ppubblikat dan l-artiklu, l-eks politiku għamel kuntatt mal-ILLUM, fejn qal li filwaqt li baqa’ xxukjat bil-kundizzjonijiet tal-għixien ta’ dawn il-ħaddiema, saħaq li hu ukoll jara t-tbatija ta’ dawn in-nies fil-ħajja ta’ kuljum. Fost l-oħrajn, huwa spjega kif jgħix fi blokka ta’ appartamenti fejn f’appartament minnhom, jgħixu mill-inqas seba’ ħaddiema barranin, u apparti l-kundizzjonijiet li jgħixu fihom, stqarr li dan l-ammont ta’ nies jgħixu f’daqqa joħolqu problemi oħra anke għall-persuni li jgħixu fl-istess blokka. 

Huwa spjega kif minn meta dan l-appartament imtela’ bil-ħaddiema barranin, ir-residenti fil-blokka bdew jesperjenzaw problemi bl-ilma, hekk kif meta r-resid enti jibdew jinħaslu wieħed wara l-ieħor jużaw ħafna ilma f’daqqa, b’konsegwenza li appartamenti oħra jkollhom problemi bil-provvista tal-ilma tagħhom.  

Apparti dan, innota wkoll li għall-kuntrast ta’ sitwazzjoni fejn appartament jgħixu fih erba’ persuni, iż-żibel f’dan l-appartament jakkumula b’rata mgħaġġla minħabba li hemm aktar nies jgħixu fih. Dan wassal għal problema ta’ insetti bħal wirdien li bdew jakkumulaw fil-blokka tal-appartamenti tul iż-żmien u għalhekk, numru ta’ residenti kellhom bżonn iġibu ħaddiema biex jeqirdu l-insetti.  

Apparti dawn it-tip ta’ problemi, l-eks politiku Laburist tkellem fit-tul mal-ILLUM fuq is-sitwazzjoni ġenerali fil-pajjiż li wasslet għal dawn it-tip ta’ problemi. Minkejja dan, huwa għamilha ċara li m’għandu ebda problema b’persuni minn xi nazzjonalità jew oħra, iżda għalih, il-problema għandha x’taqsam mal-abbuż li jsofru dawn il-barranin f’pajjiżna, u n-nuqqas ta’ integrazzjoni fil-komunitajiet Maltin fejn jgħixu l-ħaddiema. 

“Ir-ruħ soċjali spiċċat,” huwa stqarr, hekk kif fakkar li l-ħaddiema barranin li naraw jgħixu f’kundizzjonijiet diffiċli u jaqilgħu pagi miżeri, huma ħaddiema wkoll u jisħoqilhom l-istess rispett u protezzjoni mill-Gvern daqs ħaddiema Maltin u Għawdxin. Dan hekk kif innota li l-ħaddiema li ġejjin minn barra l-Unjoni Ewropea huma fost l-inqas ħaddiema mħallsa f’Malta u minkejja dan, jibgħatu somom kbar ta’ flus lill-familji tagħhom, biex jispiċċaw jgħixu fuq somma żgħira mill-paga kull xahar.  

Apparti dan, huwa nnota li minħabba l-mudell ekonomiku preżenti li skontu huwa “mibni fuq l-abbuż,” il-popolazzjoni kibret b’mod mgħaġġel, u b’hekk hawn problemi serji marbuta mal-infrastruttura. Semma wkoll il-fatt li dan kollu sar mingħajr pjan jew infurzar, u allura trawwmet kultura fejn kulħadd jagħmel li jrid biex ikun sodisfatt illum mingħajr ma jaħseb fuq għada. 

Huwa nnota minħabba dan, l-ekonomija hija “mibnija fuq it-tafal,” u peress li jidher li pjan għal mudell ekonomiku ġdid ma jistax jiddaħħal fis-seħħ mil-lum għal għada, “Malta daħlet fi sqaq.” Dan hekk kif spjega li tkun mossa diffiċli u diżastruża jekk jitwaqqaf il-pass tal-ekonomija, li aktar ma jmur, aktar tiddependi minn tkabbir u influss ta’ ħaddiema. 

More in Politika