Il-ħaddiema fl-Isptar Karin Grech qed jesperjenzaw diffikultajiet ġodda waqt xogħolhom b’rabta mal-komunikazzjoni, hekk kif numru ta’ ħaddiema li ġejjin minn barra l-Unjoni Ewropea isibuha diffiċli jitkellmu u jifhmu bl-Ingliż.
B’rabta ma’ dan l-ILLUM tkellmet ma’ persuna li taħdem bħala reliever fi ħdan l-Isptar Karin Grech li xtaqet tibqa’ anonima. Hija spjegat kif hi u ħaddiema oħra Maltin jinsabu mħassba dwar dan il-fenomenu, hekk kif id-differenzi fil-lingwa qed jaffettwaw il-ħidma fis-swali u b’hekk ikun hemm riskju li jsiru żbalji li jaffettwaw lill-pazjenti.
Il-persuna li tkellmet ma’ din il-gazzetta għamlitha ċara li hija ma tiddejjaqx taħdem ma’ persuni barranin, anzi stqarret li infermiera barranin b’mod speċjali huma nies dedikati ħafna għal xogħolhom. Il-problema, spjegat il-ħaddiema, tinħoloq meta dawn il-ħaddiema, li l-maġġoranza tagħhom huma ‘carers’ jingħataw ordni u jagħtu l-impressjoni li fehmu x’qed jintalab minnhom, iżda mbagħad jagħmlu l-oppost.
“Hawn mhux xi ristorant jew bar,” spjegat bi frustrazzjoni l-ħaddiema, hekk kif innutat li b’differenza għal stabbilimenti fejn jaħdmu numru ta’ ħaddiema minn barra l-Unjoni Ewropea, “jekk nieħdu żball, il-konsegwenzi m’humiex li xi ħadd jibqa’ bil-ġuħ, imma jweġġgħu in-nies.” Hija qalet li mhux l-ewwel darba li minħabba n-nuqqas ta’ għarfien tal-Ingliż, il-ħaddiema jkunu se jagħmlu żball li jaffettwa b’mod ikrah lill-pazjenti.
Dan is-suġġett mhux l-ewwel darba li tqajjem anke fil-Parlament. F’Marzu li għadda, wara mistoqsija mid-deputata Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici lill-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, intqal li dawn il-ħaddiema jridu jpoġġu għall-kors fil-‘Basic Medical Maltese for Health Professions’ li jikkonsisti f’ħames sigħat tagħlim. Apparti dan, il-Ministru kien qal ukoll li jridu jpoġġu għall-‘Maltese Proficiency Test’ li huwa obbligatorju u li l-medja ta’ dan il-kors huwa ta’ 28 siegħa fuq medda ta’ seba’ ġimgħat.
Minkejja dan, il-ħaddiema li tkellmet ma’ din il-gazzetta stqarret li hija spiċċat taħdem ukoll bħala traduttura bil-għan li tiċċekkja dak li jkunu qed jagħmlu l-ħaddiema barranin u tgħinhom fejn ma jkunux qed jifhmu. Dan tagħmlu wkoll biex isserraħ rasha li kollox sejjer tajjeb. Minħabba dan, spjegat li hija tispiċċa’ l-ġurnata tagħha b’għejja kbira hekk kif ikollha tagħmel xogħol li ma jaqax taħt ir-responsabilità tagħha.
Apparti minn hekk, hija rrimarkat fuq il-fatt li meta tagħmel sigħat twal fuq il-post tax-xogħol, tkun diffiċli titkellem ma’ sħabha tax-xogħol jekk tinzerta ħafna ħaddiema li ma jafux jitkellmu bl-Ingliż. Għalhekk, hija tispiċċċa’ tqatta’ siegħat twal b’diffikultà biex tagħmel il-ħbieb fuq il-post tax-xogħol u tħossha waħedha.
Din il-frustrazzjoni, skontha qed tinħass fost numru ta’ ħaddiema Maltin, iżda anke ħaddiema barranin li jitkellmu bl-Ingliż. Dan hekk kif enfasizzat li l-problema mhix marbuta man-nazzjonalità tal-ħaddiema, iżda hija biss problema ta’ nuqqas ta’ komunikazzjoni.
Hija għamlet referenza għall-mod differenti għall-kollox ta’ kif l-isptarijiet madwar l-Unjoni Ewropea jimpjegaw persuni barranin, hekk kif spjegat li f’ċertu pajjiżi, mhux talli jobbligaw lill-ħaddiema tagħhom ikunu jafu l-Ingliż, iżda f’każijiet oħra jobbligawhom ikunu jafu l-lingwa nazzjonali tal-pajjiż.