Il-kandidat indipendenti Arnold Cassola jitlob investigazzjoni fuq l-attività 'Swimming with tuna', organizzata mis-Segretajru Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali. Cassola, f'email li bagħat lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika Joseph Azzopardi, qal illi Bugeja Said kisret l-etika.
Qal li fil-fehma tiegħu mhux etiku li Segretarju Parlamentari tagħmel attività fil-kapaċità tagħha bħala kandidat u tagħmel użu mid-data tal-ħaddiema tal-Ministeru. Dan għaliex Cassola qal li, "il-poster ta' din l-attività ġiet mibgħuta lill-ħaddiema taċ-ċivil, li jagħmlu parti mill-Ministeru." Qal li dan l-avveniment ma jidher bl-ebda mod li hu organizzat min-naħa tal-Ministeru hekk kif fil-poster stess intuża l-logo personali u mhux dak tas-Segretarju Parlamentari.
"Ninsab urtat ħafna għax nemmen li dan huwa każ gravi ta' ksur ta' etika għax qed jintużaw data u emails ta' ħaddiema ingaġġati maċ-ċivil biex is-Segretarju Parlamentari tippromovi dan l-avveniment, li għalkemm jista' jkollu għan tajjeb, l-għan aħħar huwa ta' espożizzjoni politika," żied Cassola.
Apparti minn hekk qal illi dan l-avveniment joħloq kunflitt ta' interess għax l-attività, 'swimming with tuna' tista' tittella' biss b'kollaborazzjoni mal-industrija ta' min irabbi t-tonn.