Persuni minn barra l-UE issa jeħtieġu liċenzja tas-sewqan Ewropea qabel isiru xufiera

Tħabbar ukoll li mit-23 ta' Lulju l-operaturi jridu juru rapport minn perit li juri l-garaxx fejn jipparkjaw il-karozza, u li dan irid isir kull sena mat-tiġdid tal-liċenzja tal-operatur. Ir-rapport irid juri n-numru ta' spazji ta' karozzi li jista' juża l-operatur, filwaqt li l-perit jikkonferma li l-ispazju huwa tajjeb biżżejjed biex il-vetturi bil-pjanċi LY jinżammu fihom.

Persuni li ġejjin minn barra l-Unjoni Ewropea jridu jkollhom liċenzja tas-sewqan Maltija biex ikunu jistgħu jikkwalifikaw għat-tag meħtieġa biex ikunu jistgħu isuqu karozzi bi pjanċa LY, jiġifieri karozzi li jittrasportaw il-passiġġieri.

Din hija waħda mill-bidliet li ġew imħabbra l-Erbgħa filgħodu b'rabta mal-karozzi li għandhom pjanċi LY.

Hawn ġie spjegat li persuna barranija tista' takkwista t-tag tagħha għal dawn il-pjanċi jekk ikollha liċenzja tas-sewqan Maltija jew minn pajjiż fl-Unjoni Ewropea. Dan filwaqt li persuni minn barra l-Unjoni Ewropea jistgħu jakkwistaw jew iġeddu t-tag tagħhom biss jekk ikollhom liċenzja tas-sewqan Maltija. Fi stqarrija, ġie spjegat kif, "Qabel dan kien permess għal perjodu ta’ sena sakemm tinkiseb liċenzja ta’ Malta jew ta’ pajjiż tal-Unjoni Ewropea. It-tag issa se jikkwalifika għaliha min ikollu liċenzja ta’ Malta jew ta’ pajjiż tal-Unjoni Ewropea."

Apparti dan, il-kurrikulu tal-kors u l-ittestjar sabiex wieħed jakkwista tag se jkun qed jinbidel mill-17 ta' Lulju li ġej, sabiex, "jgħolli l-livell tax-xufiera li jaħdmu f’dan il-qasam." Hawn intqal li mhux se jkun hemm ebda test jew applikazzjonijiet ġodda qabel is-17 ta’ Lulju, filwaqt li t-testijiet se jibdew isiru fil-binjiet ta’ Transport Malta stess.

L-istqarrija tħabbar ukoll li mit-23 ta' Lulju l-operaturi jridu juru rapport minn perit li juri l-garaxx fejn jipparkjaw il-karozza, u li dan irid isir kull sena mat-tiġdid tal-liċenzja tal-operatur. Ir-rapport irid juri n-numru ta' spazji ta' karozzi li jista' juża l-operatur, filwaqt li l-perit jikkonferma li l-ispazju huwa tajjeb biżżejjed biex il-vetturi bil-pjanċi LY jinżammu fihom.

Meta ma jkunux qed jintużaw, ix-xufiera ta' dawn il-vetturi se jkunu jistgħu jipparkjaw f’kaxxi bojod biss għal massimu ta’ siegħa mingħajr ma jkunu mal-vettura, mit-23 ta' Lulju. Minkejja dan, ġie spjegat li, "ix-xufiera tal-Y-plates ma jistgħux jipparkjaw il-vetturi biex jistennew il-booking li jmiss f’distanzi li huma sa 100 metru ’l bogħod mill-vened tat-taxis il-bojod." Din id-distanza titla' għal 250 metru f'żoni bħall-ajruport, il- Valletta Cruise Port u Ferry Landings, u biex dan jiġi infurzat, se tintuża teknoloġija tal-'geofencing.'

Intant, uffiċċjali tal-LESA u tal-Pulizija dalwaqt se jkunu jistgħu jinfurzaw il-liġi u joħorġu l-kontravenzjonijiet f'każ ta' abbuż minn dan is-settur.

Hawn saret ukoll referenza għal 'scam' li kienet qed tieħu vantaġġ minn persuni li jridu jakkwistaw it-tag għall-pjanċi LY, hekk kif intqal li se jsir ukoll, "l-ingaġġ ta’ esperti forensiċi minn Transport Malta biex tkun f’pożizzjoni aħjar li tidentifika potenzjal ta’ abbuż b’tags foloz..."

Saret referenza wkoll għal diskussjonijiet mal-partijiet konċernati biex mill-2025, kull karozza ġdida li tiġi rreġistrata bħala 'Y-Plate' tkun elettrika.

More in Politika