'Mal-ewwel ħsara li se ssir fuq mara, inthom se tkunu responsabbli għaliha’ - Dibben u Stabile

Numru ta' attivisti jesprimu r-rabja u d-diżappunt dwar Abbozz numru 28 quddiem il-Kumitat għall-Konsiderazzjoni tal-Abozzi ta' Liġi

“Diżappuntati min-nisa li qed jirrapreżentati”, “irrabjati”, “tawna tama ta’ progess u ħaduhilna lura”. Dawn kienu l-kummenti mimlija rabja u frustrazzjoni ta’ grupp numeruż ta’ attivisti li tkellmu fil-Kumitat għall-Konsiderazzjoni tal-Abbozzi ta' Liġi, li llum fuq net tal-aġenda iddiskuta l-Abbozz numru 28, jiġifieri l-emenda fil-Kodiċi Kriminali li tati s-seta' lill-professjonisti jsalvaw il-ħajja ta' omm tqila f'każ ta' kumpilazzjonijiet serji.

Il-Kumitat, immexxi mid-Deputat Michael Farrugia, huwa magħmul mis-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, il-Ministru għas-Saħħa u d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u fuq in-naħa l-oħra tal-Kamra, il-Kelliem għall-Ġustizza tal-Oppożizzjoni Karol Aquilina, il-Kelliema għal-Libertajiet Ċivili, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra d-Dijabete Claudett Buttigieg u l-Kelliem għas-Saħħa Stephen Spiteri. Ilkoll, xi ftit jew wisq dehru skomdi. 

Fost l-attivisti tkellmet Andrea Dibben li bdiet billi tistaqsi; “daqshekk tiswa l-mara f’dan il-pajjiż?” Qalet li għal dawn l-aħħar snin kien hemm diversi ommijiet li sofrew fis-skiet u fi s-silenzju u li kuntrarjament għal dak li qalu Buttigieg, Attard u Fearne din l-emenda mhu se twassal għal ebda serħan ta’ moħħ. “Huwa ċar li dawn l-emendi saru biex jaġevolaw fazzjoni ta’ professjonisti li ma jinteressahomx min-nisa.”

Kompliet id-diskors tagħha ta’ erba’ minuti bi twissija għad-deputati preżenti li b’din l-emenda fil-prattika, meta mara ssirilha l-ħsara, “inthom se tkunu responsabbli għaliha.” L-istess qalet il-Professur Isabel Stabile.

Kienu diversi interventi oħra illi għamlu referenza għal numru ta’ persuni li għaddew mit-telf ta’ tarbija, inkluża dik pjanta u maħbuba, iżda minħabba l-liġi f’Malta l-persuna kellha tagħmel abort barra mill-pajjiż. L-attivista ta' Moviment Graffitti Christine Cassar saħansitra stqasiet lid-Deputati tal-Gvern minn xhiex qed jibżgħu filwaqt li qaltilhom li kienet tistenna aktar minn deputati li kienu minn ta' quddiem għad-drittijiet ċivili, iżda li issa "m'għadhomx." 

Intant preżenti kien hemm ukoll iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Life Network Dott Miriam Sciberras illi wriet l-appoġġ tagħha lejn l-emenda mressqa mill-Gvern, nhar il-Ġimgħa. Dan filwaqt illi qalet li issa kemm it-tarbija u kemm l-omm jistgħu jiġu salvati. 

Jitkellmu l-membri tal-Kumitat...

Wara l-indirizz tal-attivisti, beda bl-indirizz tiegħu l-Ministru Fearne li tenna li din l-emenda hi favur il-ħajja u li l-mara mhi qatt se titħalla f’xifer il-mewt. Qal ukoll illi sa sena ilu lanqas konna noħolmu li jsir dibattitu bħal dan. Fakkar illi għan ieħor wara din l-emenda dejjem kienet illi l-liġi ma timpedix jew tikkastiga lit-tabib milli issalva l-ħajja tal-omm ukoll. Miegħu qablu wkoll il-Ministru Attard u Buttigieg li fakkret u iċċarat l-emendi l-ġodda għall-Abbozz numru 28. 

Intant min-naħa tal-Oppożizzjoni, Aquilina qal illi lesti li jivvutaw favur din l-emenda u li fil-fehma tiegħu din l-emenda kellha titressaq 'il quddiem kif inhi issa, minflok kif kienet qabel. Għal dan irribatta l-Ministru Attard illi, li kien għalih u għal membri oħra tal-Oppożizzjoni, ma kienet titressaq l-ebda emenda "u kollox jitħalla kif inhu." Spiteri żied li matul il-laqgħa tal-Kumitat ġie diskuss il-protezzjoni tal-omm "u ġustament", iżda li ħadd ma semma l-protezzjoni tal-embrijun. Qal li jinsab sodisfatt li l-aħħar emenda se tagħti aktar regolarizzazzjoni, għalkemm huwa dejjem kellu fiduċja fit-tobba u l-professjonisti. 

Numru ta' kelliema qalu li minflok il-Gvern għamel pass 'il quddiem, għamel tnejn lura u għal dan il-Kelliema tal-Oppożizzjoni Buttigieg qalet illi tifhem ir-rabja ta' dawk li kienu preżenti, għax il-Gvern kien tagħhom x'jifhmu mod, imbagħad "biddel fehmtu. Il-Partit Nazzjonalista dejjem kien onest u konsistenti." 

More in Politika