'It-tqala tiġi terminata wara li jiġu eżawriti possibilitajiet ta' kura oħra'

L-emenda tat-tqala se titressaq quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Abbozzi 'b'termini aktar ċari' fil-jiem li ġejjin

Il-Ministru Chris Fearne ħabbar illi fil-jiem li ġejjin il-Gvern se jkun qiegħed iressaq l-emenda tat-tqala b'terminoloġiji aktar ċari fil-Kumitat Parlamentari għall-Abbozzi biex eventwalment tgħaddi għat-tielet qari fil-Parlament. Dan qalu f'konferenza tal-aħbarjiet fil-Parlament stess filwaqt li ikkjarifika punti li qajmu tħassib u dibattitu fix-xhur li għaddew. 

Qabel xejn huwa qal illi biex tiġi ikkunsidrata t-terminazzjoni tat-tqala din l-emenda qed tiċċara li l-professjonisti mediċi iridu jkunu eżawrew il-kura u l-prattiċi mediċi kurrenti f'Malta, kollha. Wara li jkunu eżawrew it-trattamenti kollha eżistenti, jekk it-tarbija tkun viabbli li tgħix barra mill-ġuf titwelled, jekk le tiġi terminata t-tqala. Ikkjarifika li l-Gvern qatt ma kellu l-ħsieb u l-intenzjoni li jippermetti li tiġi terminata tqala ta' tmien xhur, "għalhekk mal-emenda se nżidu ż-żmien tal-viabilità fl-istanza li t-tarbija tista' tgħix barra mill-ġuf indipendentament." 

Apparti minn hekk qal illi wara konsultazzjoni ma' persuni u entitajiet differenti qal illi kien hemm min ġibed l-attenzjoni illi jekk mara tqila taqbadha dipressjoni, din tista' tagħmel suwiċidju u għaldaqstant tkun ta' periklu għal saħħitha stess. "Ma jfissirx li d-dipressjoni titrattaha billi tittermina t-tqala, tista' titrattaha bil-mediċina," filwaqt li tenna u enfasizza li l-professjonisti iridu jkunu eżawrew il-prattiċi kollha neċessarji. 

Huwa għamel referenza wkoll għall-frażi fl-emenda li tgħid “periklu gravi għas-saħħa” u sostna li kien hemm diversi persuni li kienu mħassba dwar x’jiddefinixxi periklu gravi. Żied illi bl-aħħar emendi l-Gvern se jbiddel it-terminoloġija għal: "Saħħitha tkun f'periklu gravi li jista' jwassal għall-mewt jew is-sitwazzjoni tant tkun gravi li tkun f'qagħda imminenti li se titlef ħajjitha jew li se twassal biex titlef ħajjitha." 

Fearne qal illi l-konsultazzjoni fl-aħħar xhur saret ukoll ma' ommijiet li għaddew minn sitwazzjonijiet simili u għaldaqstant fakkar li hemm każi fejn l-omm tkun f'periklu tal-mewt iżda mhux li se tmut minn ħin għall-ieħor, bħal pereżempju omm marida bil-kanċer, jew għanda kundizzjoni tal-qalb. 

Qal illi d-deċiżjoni dwar terminazzjoni, f'dak il-każ, tittieħed minn tliet speċjalisti li jkunu fuq ir-reġistru mediku Malti, tnejn minnhom speċjalisti tal-ostetrija u speċjalist ieħor li jkun qiegħed jagħti kura fuq il-kundizzjoni separata mit-tqala tal-omm. Jiġifieri f'każ ta' kanċer il-professjonist ikun onkologu u f'każ tal-qalb ikun kardologu, fost eventwalitajiet oħra. 

Kull min hu ta rieda tajba jara li din hija emenda favur il-ħajja, li tħalli l-professjonisti jagħmlu xogħlhom skont is-sengħa tagħhom, li se sserraħ ras in-nisa tqal u ħafna nies fil-pajjiż li ħasbu li din il-liġi kienet se tiftah biex għall-abbuż Il-Ministru għas-Saħħa u d-Deputat Prim MinistruChris Fearne

More in Politika