Id-diskors ta’ Bernard Grech dwar il-barranin deskritt bħala popolist u li jiżra l-firda

F’intervista fuq l-istazzjon Net, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech uża retorika deskritta bħala popolista u perikoluża meta tkellem dwar il-mudell ekonomiku preżenti kkaratterizzat mill-importazzjoni ta’ ħaddiema barranin. Filwaqt li kienu kritiċi tal-istess mudell ekonomiku, dawk li tkellmu mal-ILLUM innutaw li Grech għamel żball kbir bid-diskors li għażel

“Irridu li l-Malti jispiċċa’ minoranza f’pajjiżu?” Kienet proprju din il-mistoqsija li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech f’intervista fuq l-istazzjon Net fl-erbgħa ta’ Ġunju, liema mistoqsija ġabet il-kritika ta’ bosta, hekk kif dan id-diskors ġie deskritt bħala wieħed li maħsub biex iġelled il-Maltin kontra l-immigrant.

Il-Kap Nazzjonalista kien qed jitkellem dwar dak li kien qal il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, fejn stqarr li jekk il-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna jibqa’ kif inhu, il-popolazzjoni Maltija tista’ togħla sa 800,000 sal-2040, permezz ta’ aktar importazzjoni ta’ ħaddiema barranin.

L-ILLUM tkellmet ma’ Dr Maria Pisani, il-Kap tad-Dipartiment tal-Istudji taż-Żgħażagħ u l-Komunità fi ħdan l-Universitá ta’ Malta, dwar dan id-diskors u aġir simili fil-konfront tal-immigranti mill-politiċi. Hija spjegat li għal dawn l-aħħar għoxrin sena, l-immigranti kienu użati mill-Gvern u l-Oppożizzjoni, hekk kif dawn in-nies vulnerabbli faċli jservu bħala ‘scapegoat’ għall-politiċi. Minkejja dan, Dr Pisani stqarret li din ir-retorika hija waħda li tagħmel parti minn logħba perikoluża.

Spjegat kif kull min jgħix f’pajjiżna għandu d-dritt li jħossu sigur, filwaqt li nnutat li hawn bżonn ta’ politika bbażata fuq l-inklużjoni u mhux fuq il-firda u l-vjolenza. “Diskors li jġelled liċ-ċittadin kontra l-migrant huwa diskors mhux sinċier, u ma jirriflettix it-tip ta’ tmexxija risponsabbli li hawn bżonn f’dan il-pajjiż,” tenniet Dr Pisani.

Il-verità, tgħid Pisani, hija li s-soċjetà Maltija hija magħmula minn ċittadini u immigranti, iżda l-benessere tal-pajjiż huwa marbut mal-kwalità tar-relazzjonijiet kollha li jeistu fis-soċjetà Maltija. “Jekk il-popolazzjoni hija mifruda, ħadd ma jibbenifika f’Malta, għajr għall-politiku li jfittex il-voti ħa jsaħħaħ il-poter tiegħu,” tispjega Pisani. 

Hekk kif fakkret li l-immigranti m’għandhomx il-poter li jivvutaw, Pisani tinnota li, “Bernard Grech u oħrajn li jużaw l-istess strateġija qed jużaw din l-inugwaljanza biex ikollhom aktar poter permezz tal-popoliżmu.” Dr Pisani appellat sabiex jiġu protetti l-ħaddiema f’Malta, flimkien mal-ambjent, l-agrikultura u s-sistemi soċjali, u meta wieħed jiffoka fuq politika sostenibbli bbażata fuq il-ġustizzja u l-ugwaljanza, il-Maltin ikunu protetti.

Din il-gazzetta tkellmet ukoll mal-attivista Lara Calleja, li stqarret li Bernard Grech, bid-diskors tiegħu, qiegħed jinjora l-veru sors tar-rabja tal-Maltin. Qalet li l-Kap tal-Oppożizzjoni huwa fost ħafna politiċi li jduru “dawradurella mal-konsegwenzi tal-problema innifisha, imma qatt ma tissemma’ l-problema innifisha.” Calleja kienet qed tirreferi għall-problema tal-kostruzzjoni.

Minħabba diskors bħal dan, Calleja qalet li huwa faċli ħafna li wieħed jinsa dak li jgħaddu minnu l-ħaddiema barranin, fosthom il-paga baxxa li jaċċettaw il-barranin meta jaħdmu f’numru ta’ setturi f’pajjiżna.

Callejja tistaqsi, “Imma x’jiġri, meta l-partit tal-Oppożizzjoni, kontinwament u għal dejjem, jibqa’ jinnega s-sors ta’ ħafna affarijiet ħżiena li għandna f’pajjiżna?” Skontha, Bernard Grech jaf li l-partit li jmexxi, bħal m’hu l-partit li jopponi, “huwa biss pupazz tan-nies li verament jikkmandaw il-pajjiż - il-famużi zvilupatturi.” Evidenza ta’ dan, tispjega Calleja huma stqarrijiet mill-iżviluppaturi stess li jikkonfermaw li jiffinanzjaw liż-żewġ partiti politiċi kbar. 

Hija tisqar li l-iżviluppaturi stess huma r-raġuni għalfejn Malta qed tintilef, hekk kif Calleja qalet lil din il-gazzetta li d-diversità ma tkissirx lil pajjiżna, hekk kif tistieden lil Bernard Grech, “iħares lejn l-istorja ddiversifikata ta’ Malta mgħammra minn-ġnus differenti.” Fuq nota ironika, Calleja tenniet li l-istess nies li qed ikissru lil Malta huma l-istess nies li l-ebda partit sa issa ma kellu l-kuraġġ jikkonfronta.

More in Politika