Editorjal | Mhux qed ngħixu f’bużżieqa

Il-Prim Ministru jassigura stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija minkejja twissijiet serji minn esperti internazzjonali u inċertezza dwar il-provvista tal-gass wara Awwissu — iżda mistoqsijiet kruċjali dwar il-pjan tal-gvern jibqgħu bla tweġiba.

Il-Ġimgħa, il-Prim Ministru Robert Abela assigura lill-imsieħba soċjali li l-provista u l-prezz taż-żejt u l-gass se jibqgħu stabbli f’Malta fost il-kunflitti li għaddejjin fil-Lvant Nofsani. 

Qal dan minkejja li inqas minn 24 siegħa qabel, il-Kap Eżekuttiv tal-Agenzija Internazzjonali għall-Enerġija, Fatih Birol, wissa li l-Ewropa baqgħalha biss madwar sitt ġimgħat provista ta’ fuel tal-ajruplani u li dan jista’ jwassal għal kanċellazzjonijiet ta’ titjiriet bl-ajru. Birol qal li l-Ewropa bħalissa qed taffaċċja l-ikbar kriżi fl-enerġija fl-istorja. 

Iżda Abela qal li s-sussidji tal-enerġija se jkomplu u insista li Malta għandha garanzija għall-provista ta’ gass għall-power station f’Delimara lil hinn minn Awwissu. 

Minħabba punt li qajjem il-Partit Nazzjonalista dil-ġimgħa: fakkar li l-ftehim ta’ provista bejn Enemalta u Electrogas, li ilu fis-seħħ għal kważi għaxar snin, se jiskadi fit-13 ta’ Awwissu. Skont l-arranġament, Electrogas tipprovdi l-gass lil Enemalta, li tużah sabiex tħaddem il-power station ta’ Delimara. Ladarba jiskadi l-kuntratt, ir-responsabbiltà biex tiġi żgurata provista ta’ LNG tgħaddi għand Enemalta u, b’estensjoni, għand il-gvern Malti. 

S’issa pubblikament, m’għandniex garanzija ta’ minn fejn se jinġieb il-gass tagħha wara Awwissu – għalkemm Abela insista li m’hemmx problema. 

Bit-tensjonijiet fl-Iran u fl-Ukrajna jillimitaw il-provista taż-żejt, u issa bl-inċertezza fuq provista tal-gass wara Awwissu, Malta ma tistax tibqa’ tinjora l-fatt li Malta gżira żgħira u li għal kważi kollox niddependu fuq swieq barranin. 

Il-Prim Ministru stqarr li għalkemm ir-rati tal-inflazzjoni fiż-żona tal-ewro telgħu minn 1.9% għal 2.6% bejn Frar u Marzu, l-inflazzjoni f’Malta mhux biss niżlet matul dak il-perjodu, iżda hija prevista li tkompli tonqos matul is-sena. 

Abela jħobb jenfasizza r-rekord tal-gvern fin-navigazzjoni tal-kriżijiet, inkluża l-pandemija u l-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja. Dil-ġimgħa, quddiem is-sħab soċjali, ammetta li t-taqbid ekonomiku attwali huwa aktar intens milli fl-2020 jew l-2022, iżda assigura li l-gvern se jżomm l-istabbiltà ekonomika minkejja l-prezzijiet globali li qed jogħlew. 

Li m’għamilx hu li jgħidilna kif qed jippjana li jagħmel dan. 

Għax jekk l-inflazzjoni internazzjonali togħla u l-prezzijiet fis-swieq internazzjonali jibdew jogħlew, ikun impossibbli li f’Malta ma jiġrix hekk ukoll. U jekk iż-żejt mill-Iran u dak li jittraġitta mill-Istrett ta’ Ħormuż jibqa’ blukkat, żgur ħa naraw il-prezzijiet jogħlew u dan ħa jaffettwa setturi differenti – appliances, karozzi, ħwejjeġ, titjiriet tal-ajru, u ħafna iktar. 

Veru li donnu diġà qegħdin f’tiġrija elettorali u forsi għalhekk Abela ma jridx iħasseb lin-nies u qed jipprova jpinġi kollox qisu m’hemmx inkwiet. 

Iżda l-Prim Ministru jrid ikun loġiku u realist. Jekk vera l-Gvern għandu pjanijiet għal kif beħsiebu jaffaċċja sfidi futuri, għandu jgħidilna eżatt x’qed jaħseb li jagħmel. 

Għall-inqas għandu jammetti li Malta ma tistax tingħalaq f’bużżieqa sakemm jgħadduha l-problemi internazzjonali li qed jevolvu – mhux biss għax ma nistgħux, iżda iktar u iktar għax mingħajr l-ekonomija internazzjonali, ma nagħmlu xejn. 

More in Politika