Malta se tingħaqad mat-tribunal internazzjonali li se jniedi proċeduri kriminali kontra Putin

Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg jgħid li Malta se tingħaqad mat-tribunal internazzjonali; li se jniedi proċeduri kriminali kontra l-President Russu Vladimir Putin rigward l-invażjoni tal-Ukrajna; ladarba l-parlament ikun jista' jitlaqqa' sabiex jirratifika s-sħubija wara l-elezzjoni

Ritratt: File photo.
Ritratt: File photo.

Malta hija fost erba’ stati membri tal-Unjoni Ewropea li ma ffirmatx sabiex tingħaqad fi ħdan tribunal speċjali li għandu l-għan li jipproċedi kontra l-President Russu Vladimir Putin għal delitti ta’ aggressjoni fil-konfront tal-Ukrajna.

Madankollu, l-assenza ta’ Malta mill-kompożizzjoni tat-tribunal hija b'riżultat tal-fatt li l-Parlament Malti se jibqa' xolt sakemm issir l-elezzjoni ġenerali li jmiss, peress li s-sħubija trid tiġi ratifikata mill-parlament. 

It-tribunal internazzjonali l-ġdid; li twaqqaf biex jitniedu proċeduri kontra r-Russja għall-invażjoni tagħha tal-Ukrajna; ġie deskritt mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna bħala avvanz kbir fit-tfittxija għall-ġustizzja.

Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg qal lil MaltaToday li l-Kabinett approva l-parteċipazzjoni ta’ Malta fit-tribunal iżda l-mossa kienet teħtieġ approvazzjoni parlamentari. "Sabiex Malta tirratifika l-ftehim neħtieġu l-approvazzjoni parlamentari u l-parlament bħalissa mhuwiex jitlaqqa' minħabba l-elezzjoni," qal Borg.

F’Ġunju li għadda, Borg, fil-kapaċità tiegħu bħala President tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, ippresieda l-iffirmar ta’ ftehim storiku li jistabbilixxi t-tribunal.

Borg kien qal li kien onorat ħafna li dan il-pass kien qiegħed jittieħed taħt il-presidenza ta’ Malta.

It-tribunal, li se jkun ibbażat f’The Hague, kiseb appoġġ minn 36 pajjiż, ħafna minnhom Ewropej. L-inizjattiva ġiet ikkonfermata uffiċjalment waqt il-laqgħa annwali tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Kunsill tal-Ewropa.

Matul il-laqgħa, il-ministri approvaw riżoluzzjoni li tiddeskrivi kif se jopera t-tribunal. Huwa maħsub li kumitat se jissorvelja l-funzjonijiet tiegħu, inkluż il-ħatra ta’ mħallfin u prosekuturi, l-approvazzjoni tal-baġits u l-istabbiliment ta’ regoli interni. Il-pajjiżi parteċipanti wiegħdu wkoll li jipproteġu l-indipendenza tal-proċess legali.

Dan it-tribunal ġie mqabbel mal-proċessi ta’ Nuremberg ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija, li fihom ġew ipproċeduti esponenti tar-reġim Nażist tal-Ġermanja.

Il-ftehim ġie ffirmat minn pajjiżi Ewropej, fosthom ir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, l-Olanda u l-Ukrajna. Sadanittant, l-Awstralja u l-Kosta Rika huma l-uniċi pajjiżi parteċipanti li mhumiexEwropej.

Malta, il-Bulgarija, l-Ungerija, u s-Slovakkja għadhom ma ffirmawx ir-riżoluzzjoni.

Pajjiżi oħrajn għadhom jistgħu jingħaqdu mat-tribunal fiż-żmien qarib.

More in Politika