Il-Ġermanja u l-Italja jimblukkaw azzjoni mill-UE fuq Iżrael

Il-ministri tal-affarijiet barranin tal-Unjoni Ewropea (UE) ma laħqux ftehim biex jiġi sospiż ftehim kummerċjali preferenzjali ma’ Iżrael b’rabta ma’ allegazzjonijiet ta’ delitti tal-gwerra u ġenoċidju tal-Palestinjani.

Skont il-viċi-president tal-Parlament Ewropew Kathleen Van Brempt mill-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi: “In-nuqqas kemm tal-Kummissjoni Ewropea kif ukoll tal-istati membri tal-UE li jaġixxu b’mod xieraq skont il-liġi internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem u l-valuri u l-valuri tal-unjoni, jirrendi lill-Ewropa kompliċi fid-delitti tal-gwerra u fid-delitti kontra l-umanità mwettqa minn Iżrael.”

Il-ko-presidenti tal-Partit tal-Ħodor Ewropej (EGP) wkoll sejħu biex il-ministri tal-affarijiet barranin jissospendu l-ftehim kummerċjali. Vula Tsetsi u  Ciarán Cuffe qalu li aktar minn miljun ċittadini tal-UE qed isejħu biex dal-ftehim jiġi sospiż u ffirmaw inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (European Citizens’ Initiative). L-UE, qalu hija kompliċi fil-ksur tal-liġi internazzjonali. Semmew ukoll il-vjolenza ‘bla preċedent’ tal-Iżrael fil-Libanu.

Il-ministri iltaqgħu fil-Lussemburgu nhar it-Tlieta. Il-laqgħa saret wara li l-Irlanda, Spanja u s-Slovenja għafsu biex jerġgħu jinfetħu diskussjonijiet dwar sospensjoni parzjali tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni ta’ Iżrael mal-UE. Il-proposta saret il-ħarifa li għaddiet.

It-tliet pajjiżi appellaw lill-UE biex “terfa’ r-responsabbiltà morali u politika tagħha, u tiddefendi l-valuri fundamentali li kienu fil-qalba tal-proġett Ewropew sa mit-twaqqif tiegħu.”

F’attakk simili għal dawk tas-soltu minn membri tal-gvern Iżraeljan, il-ministru tal-affarijiet barranin Iżraeljan Gideon Sa’ar sejjaħ il-proposta antisemitika.

Il-laqgħa żvelat l-qasma dejjem tikber fl-UE dwar l-iżviluppi fil-gwerra ta’ Iżrael fuq Gaza, fl-artijiet Palestinjani okkupati illegalment minn Iżrael. In-Nazzjonijiet Uniti (NU) sabu l-gwerra Iżraeljana għandha “intenzjoni ġenoċidali.” Fl-2024, il-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) ħarġet mandati ta’ arrest għall-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu minħabba allegati delitti tal-gwerra f’Gaza.

L-ICC iddikjarat b’mod ċar li hemm “raġunijiet raġonevoli” li jissuġġerixxu li Netanyahu “intenzjonalment u b’għarfien ċaħħad lill-popolazzjoni ċivili f’Gaza minn oġġetti indispensabbli għas-sopravivenza tagħhom, inkluż ikel, ilma, mediċini u provvisti mediċi, kif ukoll fjuwil u elettriku.”

Il-Ġermanja u l-Italja huma l-pajjiżi li qed jimblokkaw azzjoni mill-UE dwar l-Iżrael. Il-Ġermanja ddeskriviet il-proposta bħala mhux xierqa, u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ġermaniż Johann Wadenphul insista li l-UE għandha tidħol f’“djalogu kostruttiv” ma’ Iżrael dwar dawn il-“kwistjonijiet kritiċi.”

 

More in Politika